Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, għamilha ċara li hu biħsiebu jżomm is-siġġu parlamentari tiegħu anke jekk fil-parlament ikun elett wieħed mit-tliet kandidati għat-tmexxija li m’għandhomx siġġu parlamentari.
Għat-tellieqa ta’ Kap ikkontesta deputat parlamentari wieħed biss, u tlieta mill-kontestanti għandhom l-uġigħ ta’ ras li jridu jirbħu siġġu parlamentari jekk iridu li minbarra Kap tal-Partit Nazzjonalsita jkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Meta l-establishment tal-Partit Nazzjonalista kien għadu qed iħeġġeġ lil membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, biex tikkontesta kien intbagħat messaġġ li Simon Busuttil kien lest iċedi s-siġġu fil-parlament Malti bi ftehim li hu jieħu dak li hi tokkupa fil-Parlament Ewropew u għalhekk jkompli l-karriera fi Straburgu u Brussell.
Għalkemm biex kien isir hekk kien ikun hemm bżonn li min ikun eleġibbli ma jikkontestax l-elezzjoni każwali. Iżda, issa Simon Busuttil jidher li jrid iżomm is-siġġu tiegħu.
“Jekk fhimtek sew int beħsibek tibqa’ bħala deputat matul din il-leġiżlatura,” staqsa l-ġurnalist.
“Iva, da żgur għaliex le,” wieġeb Simon Busuttil li indika li dan anke jekk jirbaħ Adrian Delia jew Perici Calascione. “Jiena meta nitlaq minn Kap tal-PN xorta waħda nibqa’ membru Parlamentari,” qal Busuttil.
Alex Perici Calascione u Adrian Delia it-tnejn qalu li għaddejin b’diskussjonijiet ma’ deputati li forsi jkunu lesti jċedu s-siġġu parlamentari. Għalkemm, it-tnejn qalu li mhux prudenti li jikkummentaw dwar hekk. Frank Portelli sa issa għadu ma għamel ebda dikjarazzjoni f’dan is-sens anke għax għadu ma tkellem fl-ebda konferenza mal-ġurnalisti.