Id-Deputat Laburista Charles Mangion tkellem dwar in-nuqqas ta’ kredibilità tal-Partit Nazzjonalista li qed tkompli tidher bil-qawwa minn jum għal jum.
Tkellem dwar il-każ ta’ Tony Abela li naqas milli jiddikjara l-kumpanija ma’ traffikant tad-droga fl-assi parlamentari tiegħu. Saħaq li Busuttil baqa’ b’silenzju profond quddiem għadd ta’ każijiet u li dejjem dik kienet reazzjoni tiegħu, inkluż bħall-każ ta’ Giovanna Debono u Joe Cassar, b’dan tal-aħħar jirriżenja minn jheddu.
Mangion qal li b’kollox hemm mal-għaxar każijiet li quddiemhom Simon Busuttil mhux talli ma ħax azzjoni iżda lanqas biss ta opinjoni.
Charles Mangion qal li din mhix politika moderna li pajjiżna għandu bżonn għax biex ikollna kredibilità m’għandux ikollna governanza tad-double standards.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi qal li Simon Busuttil huwa champion tad-double standards għax każ wara ieħor dejjem għalaq għajnejh.