“Il-ħadma ta’ Jason Azzopardi turi l-ipokrezija u n-nuqqas ta’ standards fil-Partit Nazzjonalista.”
Dan qalu d-Deputat Laburista Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet wara li l-gazzetta KullĦadd żvelat li Jason Azzopardi innegozja dar għalih personali.
Falzon iddeskriva dan il-każ bħala wieħed xokkanti li jinvolvi intervent politiku dirett biex Jason Azzopardi seta’ jiggwadanja personalment. Iżda quddiem dan kollu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil baqa’ ċass u ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.
“L-istess nies li jridu jattakkaw lil kulħadd u fuq ġudizzju tagħhom biss iridu jitfgħu nies il-ħabs, għandhom passat ta’ interventi politiċi dubjużi u xokkanti.”
Hawnhekk, id-Deputat Laburista kien qed jirreferi għan-numru ta’ każijiet li jinvolvu intervent politiku dirett għall-gwadan tiegħu li fihom hemm involut Jason Azzopardi.
Fosthom:
- Il-każ tal-art ta’ lowenbrau, li dwaru l-Awditur Ġenerali kkonkluda li d-deputat Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għad-deal li bih il-Gvern daħħal biss €700,000 għal art ta’ €8 miljuni,
- Il-każ tal-Fekruna, fih l-istess Jason Azzopardi ftit qabel l-elezzjoni ġenerali approva deal ta’ €4.3 miljun li permezz tiegħu biċċtejn art fis-Swieqi u l-Kappara li jesgħu 11-il propjetà lussuża ngħataw lill-partitarju Nazzjonalista tal-qalba bi tpartit ta’ art li kienet ħames darbiet inqas fid-daqs.
Dawn huma biss tnejn minn ħames każijiet li fiċ-ċentru tagħhom hemm isem Jason Azzopardi li quddiemhom, Simon Busuttil, ma ħa ebda azzjoni.
Iżda mhux biss, il-Kap tal-Opożżizzjoni li “jipriedka l-abjad u jagħmel l-iswed” baqa’ ċass ukoll quddiem l-iskandli li fiċ-ċentru tagħhom hemm dawk li Simom Busuttil jrid jagħmel Ministri. Fosthom, l-iskandlu Capital ONE marbut ma’ isem Beppe Fenech Adami.
Min-naħa tiegħu l-kandidat tal-Partit Laburista, Ian Castaldi Paris, spjega d-dettalji dwar l-iskandlu marbut mal-Partit Nazzjonalista u spjega li minkejja li s-soltu taħt Gvernijiet Nazzjonalista kien ikun hemm tkaxkir tas-saqajn għal Jason Azzopardi l-proċess mexa b’rittmu mgħaġġel ħafna.
Dan ifisser li b’deċiżjonijiet tiegħu stess meta kien responsabbli politikament, Jason Azzopardi għalaq f’ħames xhur proċess li għal eluf ta’ Maltin ma ngħalaqx fi tliet deċennji.
Huwa qal li dan juri biċ-ċar kif imexxi l-affarijiet Gvern Nazzjonalista.
“Huma nies li jippridkaw mod u jagħmlu mod ieħor. Gvern Nazzjonalista jagħmel abbuż tal-poter għal min iridu huma. In-nies jiġu injorati, l-aqwa li jmorru tajjeb huma.”
Agħfas fuq din il-link għad-dettalji dwar il-ĦADMA TAJBA ta’ Jason Azzopardi.