Għaddew aktar minn 24 siegħa minn mindu faqqa’ l-iskandlu li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario Demarco, iżda għadha ma ttieħdet ebda azzjoni.
Hekk innotat is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri f’konferenza ta’ l-aħbarijiet. Schembri qajmet numru ta’ mistoqsijiet dwar għaliex Mario de Marco naqas milli jħallas €34 elf lill-kuntrattur Pierre Sladden għal seba’ snin sħaħ – sakemm ma bdietx titwettaq investigazzjoni interna mit-Times of Malta u sakemm isem Sladden ma ssemmiex fil-Panama Papers.
Kien biss eżatt wara li rriżenja d-direttur maniġerjali t’Allied Group Adrian Hillman, li Demarco iddeċieda jħallas. Fid-dawl ta’ dan Schembri qajmet numru ta’ mistoqsijiet, fosthom kif kien issa li Mario de Marco rċieva l-kontijiet, kif tħallssu issa, u għaliex tħallsu eżatt meta rriżzenja Hillman.
Id-deputat Laburista Luciano Busuttil qal li quddiem dan kollu, tkompli tidgħajjef il-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil, li priedka ħafna fuq il-politika nadifa u korretezza, iżda meta ffaċjat b’każ bħal dan, iswed fuq l-abjad, mhux qed jieħu azzjoni.