In-nuqqas ta’ qbil bejn il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kap ta’ qablu Simon Busuttil li ġab qasma enormi fil-partit f’tal-Pietà, issa ħa xejra Ewropea.
Il-MaltaToday irraportat li Delia daħal f’konferenza online tal-partiti fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew sabiex jittieħed vot dwar il-futur tal-partit Ungeriż ta’ Victor Orban.
Dan wara li Orban għadda liġijiet ta’ emerġenza li żidulu b’mod esaġerat il-poteri tiegħu bħala Prim Ministru, liema liġijiet ġabu kundanna minn madwar l-Ewropa kollha fosthom tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen.
B’dawn il-liġijiet ma hemm l-ebda limitu sakemm Orban jista’ jibqa’ fil-poter u dawn il-liġijiet t’emerġenza jitneħħew minnu stess meta jħoss hu li għaddiet it-theddida tal-pandemija.
Għal dan kollu, il-Partit Popolari Ewropew kellu jikkunsidra jekk il-partit Ungeriż ta’ Orban jibqax affiljat fil-kamp Konservattiv.
Iżda Simon Busuttil, li qal kemm il-darba li huwa l-assistent ta’ Manfred Weber, il-Kap tal-popolari Ewropej, żamm sieket quddiem dan kollu, irrappurtat il-Maltatoday.
Filfatt il-Maltatoday staqsietu dwar il-passi li jmiss iżda Simon Busuttil li kien iħambaq fuq id-demokrazija, irrefera biss il-mistoqsijiet lejn it-taqsima tal-komunikazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew.
It-tmexxija ta’ Orban mill-bidu nett kienet ikaraterizzata bi prattiċi ta’ tmexxija anti-demokratiċi, tant li fl-aħħar waslet biex inbdew proċeduri skont it-trattati tal-Unjoni Ewropea.
Iżda Busuttil kemm-il darba ddefenda lil Orban kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll meta kien Kap tal-Oppożizzjoni. Dan filwaqt li f’pajjiżna kien iniżżel in-nies fit-toroq bl-iskuża tal-korruzzjoni.
Fl-2012 Busuttil kien qal li m’għandomx jinfetħu l-proċeduri kontra l-Ungerija iżda li l-pajjiż kellu jingħata ċ-ċans jindirizza in-nuqqasijiet li kellu.
Is-simpatija li wera Busuttil għal Orban fil-Parlament Ewropew imbgħad tkompliet mill-Ewroparlamentari Roberta Metsola.
Metsola vvotat favur li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta għal darba darbtejn u kienet anke parti minn din id-delegazzjoni.
Iżda meta l-istess riżoluzzjoni kienet tressqet fil-konfront tal-Ungerija, hija għamlet bil-maqlub.