Simon Busuttil kien oriġinali fil-gideb iżjed fil-ħajja tan-nies ma sab ebda innovazzjoni. Waħda minn kull għaxar proposti li ħabbar huma kkupjati ħażin.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista. Il-kandidat Jean-Claude Micallef qal kif f’erba’ snin sħaħ Simon Busuttil ibbaża l-politika tiegħu fuq attakki kontinwi personali u fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
“Issa li ninsabu lejliet l-elezzjoni ġenerali ħarbex erba’ punti għall-manifest. Dan juri li mhux biss m’huwiex ippreparat imexxi kampanja iżda mhux ippreparat imexxi pajjiżna.”
Micallef qal li permezz tal-manifest li ħareġ Simon Busuttil, il-Forza Nazzjonali għandha ċertifikat ta’ inkompetenza.
Min-naħa tiegħu l-kandidat Laburista Glenn Bedingfield qal li mill-proposti li hemm fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, huwa mifhum li l-membru parlamentari David Agius kellu sehem ewlieni f’dan il-manifest dan hekk kif il-manifest mhux talli huwa ikkuppjat iżda saħansitra ikkuppjat ħażin. Dan għaliex fost oħrajn jinkludi miżuri li diġà twettqu filwaqt li oħrajn huma mniżżlin aktar minn darba fil-manifest. Bedingfield sostna ukoll li Busuttil għandu problema kbira ta’ kredibilità.
“Wara li kritika tant lil Gvern Laburista li għandu l-akbar kabinett fl-istorja, stennejna li fil-manifest jgħid liema Ministeri se jneħħi iżda minflok fil-manifest niżżel li se jżied tliet Ministeri oħra.”
Għalhekk, tenna l-kandidat Laburista, dan ikompli juri manifest ta’ koalizzjoni ta’ konfużjoni li huwa mibni fuq ix-xejn.
Il-Ministru u kandidat laburista Carmelo Abela qal li kieku kellna nagħmlu lista ta’ proposti mhux kredibbli ta’ Simon Busuttil, din il-lista ma tispiċċa qatt. Huwa ta eżempju bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar id-djar residenzjali li turi kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jafx b’dak li twettaq u qed iwiegħed dak li diġà huwa mwettaq.
Huwa temm b’appell għall-elettorat biex jagħraf li koalizzjoni ta’ konfużjoni mhux biss tkun theddida għall-pajjiż iżda anke għall-aspett finanzjarju.
“Dan il-pajjiż taħt Gvern Nazzjonalista kellu dejn u defiċit li mas-snin dejjem żdied filwaqt li Gvern Laburista ġab il-finanzi fis-sod, fil-fatt reġà rreġistra surplus fl-ewwel erba’ xhur tas-sena. Għalhekk, f’dan l-aspett ma nistgħux nmorru lura. Simon Busuttil qed jitfa’ quddiem il-poplu proposti li m’humiex costed u ibbażati fuq kalkoli ħżiena. Dan il-pajjiż ma jistax jirriskja li jmur lura għal qabel Marzu 2013.”