L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li qiegħed iħossu attakkat minn kullimkien kif skont hu kienet tiġi attakkata l-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Dr Busuttil qal li jinsab iddispjaċut jara kummenti bħal dak li tella’ partitarju Nazzjonalista wara li qal li ta kollox b’sogru għalih u għall-familja. B’referenza ċara għall-attakk li kien fetaħ il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fuq il-blogger Daphne Caruana Galizia meta fost oħrajn sejħilha “biċċa blogger”, Busuttil qal li issa jista’ jibda jifhem xi ftit kif kienet tħossha Daphne meta skont hu kienet spiċċat attakkata minn kullimkien.
Il-messaġġ tal-ex kap Nazzjonalista kien akkumpanjat minn ritratt ta’ kumment li kiteb ċertu Mario Cardona, bi kritika ħarxa għalih u deputati oħra Nazzjonalisti li l-Erbgħa filgħaxija ma vvotawx mal-Kap Adrian Delia dwar il-liġi tal-vjolenza domestika.
Il-vot tal-għaxar deputati tal-Oppożizzjoni kompla ħareġ fid-deher il-qasma interna li teżisiti fil-Partit Nazzjonalista bil-fazzjoni ta’ Busuttil ma titlifx okkażjoni biex tmur kontra d-deċiżjonijiet tal-Kap Nazzjonalista.
Fit-tellieqa għall-ħatra ta’ kap ġdid tal-PN, Delia għajjar lil Caruana Galizia bħala “biċċa blogger”u fetħilha sensiela ta’ libelli wara li akkużatu li għandu kont bankarju f’Jersey u li, allegatament, minn dan il-kont għaddew flus mill-prostituzzjoni.
Il-libelli ġew irtirati f’anqas minn 24 siegħa wara l-qtil ta’ Caruana Galizia bil-Kap Nazzjonalista ma jilqax l-isfida li qed issirlu kontinwament biex imur għand maġistrat u jitlob investigazzjoni dwar l-akkużi gravi li għamlet kontrih Daphne Caruana Galizia ftit ġimgħat qabel il-qtil tagħha.