Ċar u dirett il-messaġġ tal-Partit Laburista dwar l-applikazzjoni ta’ Toni Bezzina biex jibni villa f’ODZ. F’konferenza tal-aħbarijiet tkellmu d-deputat Franco Mercieca u l-Ministru Edward Zammit Lewis. “Dan hu każ ieħor fejn il-PN jippriedka ħaġa u jagħmel mod ieħor,” qal Mercieca li nnota kif Bezzina applika fuq isem martu biex jinħeba. Bil-pjanti f’idejhom il-kelliema urew kif l-applikazzjoni ma kinetx għal riġenerazzjoni ta’ żewġt ikmamar kif qal Toni Bezzina.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis irrimarka fuq kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, tkellem fuq “ODZ is ODZ.”
“Mhux aċċettabbli li persuna fil-politika tagħmel applikazzjoni kontra li kitbet hi stess. Dan hu każ ta’ ipokrezija politika,” qal il-Ministru Zammit Lewis li nnota kif l-applikant kienet martu.
Edward Zammit Lewis qal li Simon Busuttil huwa dgħajjef man-nies tiegħu stess u huwa artist fl-ipokrezija politika. “Għax inqabad qal li se jirtira,” qal Zammit Lewis li fakkar kif dan mhux l-ewwel każ ta’ Toni Bezzina. “U Simon Busuttil ma jieħux azzjoni waħda ta’ dixxiplina,” qal Zammit Lewis.