L-ex Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta sostna li huwa qatt ma kien jaf bl-involviment ta’ Yorgen Fenech fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Is-Sur Valletta qal dan b’reazzjoni għal rapport f’The Sunday Times of Malta fejn ingħad li f’Settembru ta’ sentejn ilu huwa mar jara logħba futbol ma’ Fenech f’Londra. Dan meta Fenech kien qed jitqies bħala persuna ta’ interess fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qal li wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fit-tlettax ta’ Ġunju tal-elfejn u tmintax, huwa informa lill-Korp tal-Pulizija li kien se jieqaf mill-investigazzjonijiet, kif fil-fatt għamel.
Żied jgħd li meta kien fuq il-bord tal-Aġenzija kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, huwa ma kienx informat bir-rapporti jew dwar min kienu.
Żied li saħansitra rtira mill-Korp tal-Pulizija minħabba l-kritika li saret fil-konfront tal-mara tiegħu, li hija l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, u saħaq li bejniethom qatt ma tkellmu fuq xogħol u kellhom relazzjoni professjonali.
Is-Sur Valletta saħaq li huwa qatt ma għamel xejn ħażin, u ma kien se jasal isiefer ma’ xi ħadd li seta’ kien jaf jew jaħseb li huwa indagat.
Mistqosi dwar dawn l-allegazzjonijiet minn The Times of Malta wara l-pubblikazzjoni tal-istorja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri saħaq fuq il-ħtieġa ta’ riforma fil-korp tal-pulizija.
F’dan il-kuntest, il-Ministru qal li l-ewwel riforma se tkun dik dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. “Iddeċidejna li ma jkunx hemm ħatra immedjata iżda l-ewwel ser immorru quddiem il-Kabinett, u sussegwentament quddiem il-Parlament, b’metodu ġdid ħafna iktar trasparenti u ħafna aktar accountable sabiex imbagħad wara jinħatar Kummissarju tal-Pulizija bil-mod il-ġdid u kif approvat fil-Parlament.”
Mistoqsi dwar l-istorja tat-Times of Malta, Camilleri saħaq li l-politiku qatt m’għandu jindaħal fl-investigazzjoni. “Jien naħseb li għandu jkun hemm investigazzjoni fuq kollox, fuq kull allegazzjoni, sabiex naraw li f’pajjiżna verament issir il-ġustizzja.”