L-integrità u s-saħħa tal-ġurisdizzjoni Maltija fis-settur tal-gaming huma ta’ prijorità għall-Gvern Malti. Dan kien il-messaġġ li għadda pajjiżna waqt il-laqgħat bilaterali, li kellu l-Prim Ministru Robert Abela mal-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer fi Vjenna, nhar it-Tnejn li għadda.
B’rabta ma’ dan, ONE News tkellem mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li kien fost dawk li akkumpanjaw lill-Prim Ministru u kellu laqgħat ma’ Ministri fl-Awstrija u fil-Ġermanja, rispettivament.
Qal, “Dawn kienu taħtitiet fejn tkellimna fuq il-pożizzjoni tagħna, il-pożizzjoni li rridu nkomplu nipproteġu s-settur tal-gaming, li hu importanti ħafna għal pajjiżna. Dan hu settur li, fl-aħħar xhur, kien hemm kwistjonijiet, b’mod partikolari mal-Awstrija, fejn hemmhekk aħna konna waqqafna leġiżlazzjoni biex tipproteġi dan is-settur f’pajjiżna.”
Il-Ministru Schembri qal li saret spjegazzjoni fid-dettall għalfejn pajjiżna għamel din il-leġiżlazzjoni u anke kien hemm qbil bejn iż-żewġ pajjiżi kif nistgħu mmorru għall-fażi li jmiss biex inkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Awstrija, bil-prijorità tkun li nipproteġu lil din l-industrija.
Staqsejna wkoll dwar il-laqgħa bilaterali, li kien hemm bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz f’Berlin.
Hawnhekk il-Ministru Schembri tenna li Malta u l-Ġermanja ttrattaw is-sitwazzjoni ġeo-politiċi, li qed jolqtu lill-kontinent Ewropew.
Qal, “Però tkellimna wkoll fuq l-importanza ta’ setturi għal pajjiżna, b’mod partikolari fejn jidħol il-kreazzjoni ta’ enerġija alternattiva f’pajjiżna u hemmhekk hemm industriji u opportunitajiet kbar biex iż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw aktar flimkien u wkoll kif il-Ġermanja tista’ tassisti fis-settur tal-farmaċewtika u l-produzzjoni wkoll tal-mediċi f’pajjiżna.”