Fil-Parlament, il-Ministru għal Ġustizzja Jonathan Attard poġġa fuq il-mejda tal-Kamra, ħames mija u sitta u erbgħin (546) kumment tal-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri kontra l-Gvern, li jixhdu l-fanatiżmu politiku tiegħu.
Waqt il-mistoqsijiet Parlamentari, Dr Attard innota kif Silvio Camilleri saħansitra sejjaħ lill-Gvern “stupidu u bla sinsla”.
“Però, agħar minn hekk, il-kummenti kienu kummenti ta’ tgħajjir, bl-aktar mod ta’ fanatiku politiku, Sur President.”
“Kliem mhux denju ta’ ebda persuna, aħseb u ara ta’ persuna li serva ta’ Prim Imħallef u Avukat Ġenerali f’dan il-pajjiż.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Attard qal li dan hu atteġġjament kundanabbli, waqt li nnota li Camilleri kien ukoll imexxi l-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali.
“Ried akkost ta’ kollox ikun jaf fejn kienu jmorru skola Primarja, Sekondarja. Dawk li ressqu għal warrant u allura jkunu diġà ggradwaw, ikunu diġà għaddew mill-eżami quddiem żewġ imħallfin u, allura, l-affarijiet imbagħad jibdew jinkwadraw għalfejn din ir-reżistenza kollha. Però jien taf x’ngħid ukoll li, għalkemm hu jaħseb li dan il-Gvern hu bla sinsla, dakinhar urejnih kemm għandna sinsla, għax kellu jwarrab minn dik il-kariga.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Silvio Camilleri kien il-vuċi ewlenija li kkwotaw esponenti tal-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika biex jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom kontra r-riforma mressqa mill-Gvern dwar il-proċess tal-Inkjesti Maġisterjali.
Il-Ministru Attard innota li l-Partit Nazzjonalista ma kkundannax l-aġir tal-Prim Imħallef Emeritu, li serva taħt il-Gvern ta’ GonziPN.
“U flok l-Oppożizzjoni tiġi hawn tikkundannah lil dan il-Prim Imħallef, li ntagħżel minnhom, jiġu hawnhekk jgħidu ‘għandu raġun’ l-Onorevoli Karol Aquilina. Dik is-saltna tad-dritt li jemmnu fiha.”
Il-Ministru Jonathan Attard