Dan l-istaġun wasal biex jintemm iżda qabel ma nidħlu fil-muża tas-sajf, it-Teatru Manoel qed joffri lill-udjenza tiegħu tliet kunċerti differenti imma tal-ogħla livell bl-aqwa mużiċisti lokali u internazzjonali.
L-ewwel waħda hija serata bi kwartetti tal-korda minn Quatuor Arod, wieħed mill-ensembles ewlenin ta’ Franza. Dan l-ensemble żagħżugħ beda fl-2013 u jikkonsisti minn Jordan Victoria (vjolin) Alexandre Vu (vjolin), Tanguy Parisot (vjola) u Samy Rachid (vjolonċell). Quatuor Arod rebaħ diversi premjijiet tal-mużika prestiġużi u bħalissa qegħdin jagħtu prestazzjonijiet f’teatri internazzjonali famużi. Dan il-kwartett se jtella’ taħlita eċitanti ta’ kwartetti għall-
korda famużi sew minn Joseph Haydn, Béla Bartók u Johannes Brahms. Dan il-kunċert se jittella’ fit-22 ta’ Mejju fit-8 pm.
Fit-3 ta’ Ġunju fit-8 pm l-udjenza hija mistiedna għal ‘An Evening with Mozart.’ Għall-dan il-kunċert, il-pjanista Joanne Camilleri tingħaqad ma’ Cordia String Quartet bis-sehem ta’ David Lang (vjolin), Emese Toth (vjolin), Jacob Portelli (vjola) u Frank Camilleri (vjolonċell). Fil-programm issibu tnejn mill-kunċerti tal-pjanu l-aktar famużi ta’ Mozart, flimkien mal-kwartett tal-korda in Fa tiegħu ukoll. Dan il-kunċert jeħodkom lura fiż-żmien li Mozart qatta’ fi Vjenna. Inwegħdukom li se tkun lejla ħelwa f’kumpanija tajba. Żgur mhux ta’ min jitilfu.
Ghall-għeluq tal-istaġun it-Teatru Manoel se jaħdem flimkien mal-Istitut Kulturali Taljan u se jdaħħalna f’burdata tal-lanja sajfija bil-jazz. Is-serata se tinkludi fiha lil Doctor 3, ensemble famuż u maħbub sew tal-jazz mill-Italja. Għandhom timbru speċifiku u stilistiku li jaf jolqot lil kull tip ta’ udjenza. Għal dan il-kunċert se jgħaqqdu mużika minn Macini, Berlin, Cohen, u Lennon & McCartney fost oħrajn. Fi ftit kliem l-aktar mod perfett biex tibda s-sajf. L-artisti huma Danilo Rea (pjanu), Enzo Pietropaoli (kuntrabaxx) u Fabrizio Sferra (batterija). Il-kunċert jibda fid-9 pm.