“Sikktu l-għanja f’qalbi; in-noti ntfew fix-xejn.”
Din hija l-karba tal-kantanta żagħżugħa Enya Magri li, għall-ewwel darba fil-karriera mużikali tagħha, qiegħda tniedi silta oriġinali bil-Malti. Il-lirika profonda ta’ Emil Calleja Bayliss hija megħjuna mill-kompożizzjoni drammatika ta’ Mark Scicluna u magħġuna flimkien fi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, li issa ilu jaħdem ma’ Enya għal diversi snin.
Permezz tas-silta, Enya tindirizza lil dawk kollha li jinsabu mweġġgħin, imwarrbin, jew minsijin mis-soċjetà, iżda b’tama li toffri wens. Tħeġġiġhom ma jaqtgħux qalbhom, iżda jimxu kontra l-kurrent.
Jakkumpanja r-rilaxx tal-kanzunetta hemm vidjow mużikali b’direzzjoni ta’ Kurt Cauchi, u bil-parteċipazzjoni taċ-ċkejkna Chaelle Grech. Miġbud fl-akwati tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi, l-għan ta’ dan ix-xenarju hu li jippreżenta element ta’ ħelsien individwali.
Fuq il-midja soċjali, Enya stqarret li “din il-kanzunetta hija differenti ħafna minn dawk li ġew qabilha, u għalkemm ma ktibthiex jien, xorta kelli involviment kbir fiha. Jiena u Emil tkellimna diversi drabi biex naraw li l-messaġġ tassew jasal hemm barra.”
F’dawn l-aħħar 12-il xahar, Enya Magri ħarġet xejn anqas minn tliet siltiet bl-Ingliż: ‘Feelin’’, li waslet sal-aqwa kanzunetta tas-sena 2021; ‘Shame’, li wasslet liż-żagħżugħa sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest, u ‘Love Me Like’, li ġiet debuttata waqt l-Isle of MTV li sar wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
‘Sikktu l-Għanja f’Qalbi’ mhux se tkun l-aħħar rilaxx ta’ Enya Magri bil-Malti għal din is-sena. Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li se tkun waħda mill-parteċipanti fit-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija. Is-silta li se tinterpreta, ‘Verdett’, għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, u mużika u produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, u hija kollaborazzjoni mal-mużiċist Adrian ‘ir-Russu’ Brincat.
‘Sikktu l-Għanja f’Qalbi’ hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali.