Xahrejn ilu, waqt it-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika, għamlet id-debutt tagħha Julie Pomorski, f’kollaborazzjoni mal-grupp tal-hip hop Malti Kapitlu Tlettax.
Is-silta li preżentaw kienet Wiċċ B’Ieħor, li tagħha Emil Calleja Bayliss u Joseph Mario Calleja huma awturi, filwaqt li Joseph Mario Calleja, Edward Magri, Julie Pomorski u Cyprian Cassar huma kompożituri.
Sal-lum din id-diska ndaqqet aktar minn 10,000 darba, u lbieraħ ġie mniedi l-vidjo mużikali tagħha. Dan ġie ffilmjat kemm ġewwa kif ukoll barra, u baqa’ leali ħafna lejn il-lirika tal-kanzunetta.
Fi kliem l-awturi, ‘titratta s-suġġetti tal-imħabba u l-infedeltà li jitħalltu flimkien mingħajr ma wieħed jirrealizza l-konsegwenzi li jistgħu joħolqu jekk relazzjoni bħal din tibqa’ għaddejja, anzi tkompli tikber. It-turija ta’ wiċċ b’ieħor hija biex ħadd ma jweġġa’ lil ħadd, speċjalment ir-reputazzjoni ta’ dawk kollha involuti.’
Dawn l-artisti ma jeskludux li jerġgħu jikkollaboraw flimkien.
Il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.