Siġra tal-Milied unika magħmula bl-idejn, intremgħet f’Ħal Qormi, u hija l-prodott ta’ siegħat twal ta’ ħidma b’passjoni.
Is-siġra li hija twila ħmistax–il metru kienet il-ħolma ta’ l-aħwa Eugenio u Pawlu Borg.
Eugenio spjega l-ħidma li saret fuq din is-siġra. “Il-ħolma bdiet minn sena ilu għax dejjem trid toħlomha l-affari. Imbagħad bdejna bil-mod, sakemm tirranka, imma mbagħad nagħmlu kuraġġ. L-aħħar tliet xhur ħdimna ħafna.”
Min-naħa tiegħu, it-tekniku li ħadem fuq dan il-proġett, Benny Brincat spjega ma’ ONE News dak li jagħmel din is-siġra speċjali. “Magħmula minn tnax-il elf bozza li huma RGB. L-RGB hija tip ta’ bozza li għandek it-tliet kuluri primarji u tista’ tagħmel kambjament tad-dawl minn programm li jħaddimha.”
Intant, Pawlu Borg stqarr li minkejja l-ħidma twila, li damet bosta xhur u rrekjediet ħafna fondi, dan il-proċess twil sarraf f’dan il-mument sabiħ, hekk kif is-siġra ġiet ammirata minn bosta persuni. “Issa kburin għax f’Malta hija l-ewwel waħda li dehret. Kburin bħala Qriema, bdejna l-festi tal-Milied ilbieraħ, għamilna kunċert sabiħ mal-Banda Pinto u l-kantanti u kien hawn ħafna nies ħadu pjaċir.”