Fil-ħdax tal-lejla, ir-Renju Unit formalment se jħalli l-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qed ilaqqa’ l-Kabinett f’Sunderland u imbagħad mistenni jindirizza lin-nazzjon siegħa qabel ma’ uffiċjalment iseħħ BREXIT.
L-għażla tal-belt fejn qed jitlaqqa’ l-Kabinett qed tkun meqjusa bħala għażla li saret bi ħsieb hekk kif fir-referendum li sar f’Ġunju ta’ erba’ snin ilu, Sunderland kienet l-ewwel belt li minnha ħarġu l-ewwel riżultati favur BREXIT.
L-arloġġ tal-Big Ben mistenni jibqa’ silenzjuż fil-ħin ta’ BREXIT, iżda fi Brussell, il-qalba fejn hemm l-istituzzjonijiet Ewropej mistennija jinżlu l-bnadar tar-Renju Unit.
Għalkemm ir-Renju Unit se jkun qed iqatta’ l-karti minn mal-Unjoni Ewropea, ċertu affarijiet se jibqgħu l-istess hekk kif l-aħħar ftehim dwar BREXIT iffissa perjodu tranżitorju sa tmiem din is-sena.
Fost l-oħrajn, dawk li se jivvjaġġaw mir-Renju Unit lejn l-Ewropa mistennija xorta jagħmlu dan b’mod normali.
Intant f’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Kummissarju għoli għar-Renju Unit Joseph Cole spjega d-drittijiet li se jżommu ċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit.
Joseph Cole qal ukoll li min ilu inqas minn ħames snin jgħix fir-Renju Unit, irid japplika għall-permess biex imur jgħix fir-Renju Unit.
Qal ukoll li l-affarijiet huma iżjed faċli għal dawk li ilhom iżjed minn ħames snin fir-Renju Unit.
Intant fi stqarrija Identity Malta spjegat l-istatus residenzjali ta’ ċittadini mir-Renju Unit f’pajjiżna, hekk kif iseħħ BREXIT fi ftit tas-sigħat oħra.
Dwar dan il-Gvern Malti ippubblika avviż legali li jirregola liċ-ċittadini tar-Renju Unit f’pajjiżna, f’konformità mal-aħħar ftehim li ntlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar BREXIT.
Identity Malta spjegat li ċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkunu qed joqgħodu hawn Malta skont id-drittijiet tagħhom rikonoxxuti fil-ftehim ta’ BREXIT.
Intant il-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet sigħat ‘il bogħod minn BREXIT.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ jkollha l-aqwa relazzjonijiet possibbli mar-Renju Unit.
Fil-Parlament Ewropew issa n-numru ta’ siġġijiet tela’ għal ftit aktar minn seba’ mija.
Fl-aħħar jiem, f’din l-istituzzjoni eletta ma naqsux ukoll mumenti kkuluriti fejn bħal ma meta ntemmu sena, hekk ukoll l-ewro parlamentari spiċċaw isellmu lir-Renju Unit bil-kant.