Transport Malta flimkien mal-grupp Mużikali The Travellers u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, ħabbru l-kampanja Don’t Drink and Drive.
Dan f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar intiża biex tqajjem kuxjenza kontra s-sewqan taħt l-effett tax-xorb speċjalment fi żmien il-festi.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, Pierre Vella spjega l-ħidma tal-Kunsill f’dan iż-żmien tas-sena.
Huwa qal: “F’dawn il-ġranet tipprova tagħmel ftit aktar effort għar-raġuni li dak li jkun jipprova jiddeverti iktar imma ma rridux inħalltu żewġ affarijiet li jistgħu jwasslu allaħares qatt f’disgrazzja allura qed nippruvaw nenfasizzaw naqra iktar. Kull sena aħna nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna.”
Chris Gatt mill-grupp mużikali The Travellers spjega l-involviment tal-grupp f’din il-kampanja tant importanti, fost oħrajn bit-tnedija ta’ kanzunetta ispirata minn inċident tat-traffiku.
Qal: “Mhux biss qed inħabbru din il-kollaborazzjoni llum imma wkoll se nkunu qed iniedu diska ġdida li jisimha ‘Siġġu Vojt’ se propju se nkunu qed nilħqu nies ġodda fuq ir-radijiet eċċ u kif ukoll inwasslu l-messaġġ tagħna b’mod viżiv permezz ta’ music video li se jiġi mniedi nhat it-Tnejn li ġej fil-5pm fuq il-mezzi soċjali tagħna ta’ The Travellers.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq li din il-kampanja qed tara li żżid l-għarfien favur is-sigurtà fit-toroq.
Dan sabiex fl-aħħar mill-aħħar l-element festiv ma jitħassarx bi traġedji.
Il-Ministru Ian Borg qal: “Huwa żmien fejn in-nies tikkonsma iktar alkoħol, huwa żmien fejn in-nies ikollha iktar attivitajiet u għaldaqstant l-appell tagħna huwa dejjem l-istess li inti ma tistax tixrob u ssuq. Ma tistax ma ġġibx rispett lilek u anke lil dawk ta’ madwarek. Mhux biss in-nies li qegħdin miegħek fil-karozza imma anke n-nies li qed jużaw it-toroq. Sew min qed isuq sew min qed jimxi u dawk li ħallejt id-dar.”