Heritage Malta bil-kollaborazzjoni ta’ Grow 10 Trees Project żergħu numru ta’ siġar indiġeni fil-kumpless tal-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat.
Dawn is-siġar ingħataw minn membri ta’ Grow 10 Trees Project u nżergħu f’dan is-sit ta’ importanza arkeoloġika bħala parti mir-responsabbiltajiet ambjentali ta’ Heritage Malta. Is-siġar li nżergħu huma tnejn tar-rand, tnejn taż-żebbuġ u tnejn tal-għargħar. Dawn is-siġar tkabbru mill-membri tal-Grow 10 Trees Project. L-għażla tas-siġar u l-post fejn inżergħu saru bir-reqqa biex ma ssirx ħsara lill-katakombi taħt l-art, speċjalment bl-għeruq. Iż-żriegħ sar minn rappreżentanti ta’ Heritage Malta u tal-Grow 10 Trees Project.
Il-Grow 10 Trees Project inħolqot għal persuni li jħobbu s-siġar, bil-għan li jibdew ikabbru s-siġar huma stess, u kif jindika l-isem, jieħdu ħsieb mill-inqas għaxar siġar. Finalment dawn is-siġar jinżergħu f’afforestazzjoni f’żona jew sit magħżul mill-Gvern jew għaqdiet oħrajn. Iktar ma n-numru ta’ membri tal-Grow 10 Trees Project ikun kbir, iktar se jkun kbir ukoll l-ammont ta’ siġar disponibbli għal proġetti simili.
Il-Katakombi ta’ San Pawl jiftaħ kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm, l-aħħar dħul ikun fl-4.30pm