Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li matul dan is-sajf, il-Maltin siefru aktar. Dan meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn Lulju u Settembru tas-sena l-oħra.
Kienu kważi 200,000 dawk li ħallew il-gżejjer Maltin matul it-tielet kwart tas-sena. Żieda ta’ 16.2% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2017.
L-Italja u r-Renju Unit baqgħu fost l-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin, li flimkien amontaw għal aktar minn 45% tas-safar f’dan il-perjodu.
23,000 persuna għażlu destinazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea għall-btala tagħhom.
L-iljieli li l-Maltin qattgħu barra minn xtutna fit-tielet kwart tas-sena amontaw għal kważi 1.5 miljun, żieda ta’ 19% meta mqabbel mas-sena l-oħra.
In-nefqa tal-Maltin ukoll żdiedet biex laħqet il-€193 miljun, ekwivalenti għal medja ta’ €970 għal kull persuna.
Meta wieħed jgħaqqad in-numri f’din l-istatistika ma’ dawk tal-perjodi ta’ qabel, jirriżulta li n-numru ta’ Maltin li siefru bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena jaqbeż l-483,000. 71,000 persuna aktar mis-sena l-oħra.