Id-direttur u proprjetarju ta’ Baltimore Fiduciary, l-awditur Richard Abdilla Castillo, irriżenja mill-kariga tiegħu bħala direttur ta’ Premier Capital u l-Grupp Hili, qabel il-ħruġ ta’ € 20,000,000 f’bonds minn Premier Capital. Premier Capital qalet li Abdilla Castillo irriżenja minn direttur tiegħu sakemm issir l-inkjesta maħtura mill-Prim Ministru b’rabta mal-każ ta’ Capital One.
Kif irrapportat mill-Malta Today, l-investigazzjoni tal-Pulizija ma kinitx segwita meta investigaturi enfasizzaw l-preżenza tal-membru parlamentari Nazzjonalista Beppe Fenech Adami – dak iż-żmien assistent parlamentari għall-affarijiet interni – bħala direttur ta’ Baltimore fiduċjary.
Filwaqt li Abdilla Castillo issa rriżenja mill-kariga tiegħu, Beppe Fenech Adami u l-Kap tal-Oppożizzjoni baqgħu jinsisti li minn naħa tal-Viċi-Kap Nazzjonalista mhemm ebda responsabbilta x’tinġarr. Dan avolja Baltimore Fiduciary ġiet identifikata fl-investigazzjoni tal-Pulizija bħala l-azzjonista nominata u dik li sellfet isimha lil CapitalOne Investiment Grupp, kumpanija li s-sidien tagħha kienu ssuspettati b’rabta mat-traffikar tad-droga fl-Olanda. F’investigazzjoni dwar id-droga mmexxija mill-pulizija Olandiża f’Amsterdam f’Novembru 2012, dokumenti dwar negozju kienu miżmuma li juru r-rabta bejn player Poker – is-suspettat Robert Soogea – u CapitalOne.
Il-Pulizija Maltija imbagħad talbet informazzjoni bankarja fuq CapitalOne, liema informazzjoni hija indikattiva li ammonti kbar ta’ flus kontanti kienu qed jiġu trasferiti minn kumpaniji Griegi f’CapitalOne u depożitati f’kont tal-Valletta Fund Management, qabel ma jiġu trasferiti lura lill-kumpaniji Griegi oħra.