Il-kobba tal-iskandlu tal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni fil-Parlament Ewropew, il-Qatargate, tkompli titħabbel. Il-midja Taljana rrapportat li, fl-interrogazzjonijiet tal-Pulizija Belġjana, l-allegat moħħ wara l-iskandlu issa semma isem id-deputata Ewropea Taljana Lara Comi – magħrufa li hija qrib ħafna ta’ David Casa u Simon Busuttil.
Comi ġejja mill-partit ta’ Silvio Berlusconi, Forza Italia, partit sieħeb il-Partit Nazzjonalista Malti fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, u f’dawn l-aħħar snin ħadmet spalla ma’ spalla magħhom fil-kampanja tagħhom biex joskuraw isem Malta fil-livell Ewropew.

Il-midja Taljana rrappurtat li l-eks deputat Ewropew Pier Antonio Panzeri Panzeri ddikjara li Comi kienet waħda minn dawk li kellhom jirċievu €250,000 bħala għajnuna għall-kampanja elettorali tagħhom għall-Parlament Ewropew fl-2019. Comi ma ġietx eletta fl-2019 iżda daħlet fil-Parlament Ewropew fl-2022 wara li ċeda s-siġġu tiegħu Silvio Berlusconi wara li ġie elett fis-Senat Taljan.
Panzeri qal li, f’April jew Mejju tal-2019, Comi talbitu jmur jiġbor bagalja mill-appartament tagħha fi Brussell u jieħu ħsiebha. Huwa qal li mar jagħmel dan mal-assistent tiegħu, u fil-bagalja sabu ħafna flus kontanti li, għalkemm m’għoddewhomx, jistmaw li kienu jammontaw għal bejn €60,000 u €70,000. Panzeri qal li ddeċieda li jarmi l-flus kollha fiż-żibel. Ftit wara li seħħ dan, Comi ġiet arrestata f’Milan f’inkjesta separata u mill-aktar serja dwar korruzzjoni fl-Italja, u ġiet akkużata b’finanzjament illegali, korruzzjoni, u frodi għad-danni tal-Parlament Ewropew.
Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Comi ċaħad li l-klijenta tiegħu ħadet xi finanzjamenti mill-Qatar.
Isem id-deputata Ewropea ħabiba ta’ Casa u Busuttil kien issemma fit-titli tal-ġurnali anki drabi oħra, meta kienet saħansitra tefgħet lil ommha fuq il-kotba tal-Parlament Ewropew biex idaħħal iktar flus. Fi żmien meta diġà kienu jeżistu dubji kbar dwar il-karattru ta’ Comi, Busuttil u Casa kienu jistednuha tiġi Malta biex titkellem kontra l-gvern Malti. Fost l-oħrajn kienet ġiet Malta f’konferenza ta’ David Casa biex tagħmel akkużi li eventwalment spiċċaw imgiddba mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Awditur Ġenerali.

L-iżvilupp il-ġdid li fih issemma mill-ġdid isem ħabiba mill-qrib tal-klikka Nazzjonalista Maltija fil-Parlament Ewropew huwa biċċa uġigħ ta’ ras oħra għall-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, li hija wkoll deputata Ewropea eletta f’isem il-PN. Hija qed tiffaċċja akkużi mill-midja u minn organizzazzjonijiet kontra l-korruzzjoni li l-iskandlu tal-Qatargate huwa wkoll riżultat tal-kultura ta’ impunità li teżisti fil-Parlament Ewropew. Dwar dan l-iskandlu, il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo qal li l-awtoritajiet tal-Belġju għamlu dak li l-Parlament Ewropew naqas milli jagħmel.
Barra minn hekk, il-kredibbiltà ta’ Metsola spiċċat imminata wara li kienet fiċ-ċentru ta’ diversi stejjer kontroversjali oħrajn. Dawn jinkludu l-ftehim sigriet biex iċ-Chief of Staff tagħha jinħatar Segretarju Ġenerali tal-PE minflok kandidati aktar xierqa, id-deċiżjoni li ħadet biex taħtar lir-raġel ta’ oħtha bħala ċ-Chief of Staff il-ġdid tagħha; l-intenzjoni li jintefqu l-miljuni biex tinxtara binja li l-opinjoni pubblika taqbel li l-PE m’għandux verament bżonnha; in-nuqqas tagħha li tiddikjara uffiċjalment saż-żmien stipulat għad-deputati Ewropej 142 rigal li rċeviet, fosthom xampanja, ċikkulata, deheb, u mawra lussuża mħallsa mil-lobby tal-inbid; u meta l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, żamm lill-Parlament Ewropew responsabbli għall-iżvelar minn qabel ta’ informazzjoni sigrieta dwar iż-żjara tal-President Ukren Zelensky fi Brussell – żvelar li seta’ jwassal biex jikkomprometti s-sigurtà tal-istess Zelensky.