Taljana li fl-aħħar snin intużat minn Simon Busuttil u David Casa fil-kampanji kontra Malta issa hija arrestata fuq korruzzjoni.
Il-Ħamis filgħodu l-midja Taljana kienet mixgħula bl-arrest ta’ Lara Comi, Membru tal-Parlament Ewropew sa Mejju li għadda u li tinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni mill-iktar serja.
Comi qed tkun akkużata b’finanzjament illegali, korruzzjoni u frodi għad-danni tal-Parlament Ewropew. L-operazzjoni li waslet għall-arrest ta’ Comi ilha għaddej diversi xhur tant li f’Mejju li għadda diġà kienet waslet għal arresti oħra ta’ politiċi mill-Forza Italia, il-partit fl-Italja li miegħu huwa ħbieb il-Partit Nazzjonalista u membru bħalu fil-grupp tal-Partit Popolari Ewropew.
Fost oħrajn Comi hija akkużata li ma’ oħrajn ħolqot skemi li jwasslu biex tieħu eluf kbar ta’ ewro li ma kinetx intitolata għalihom. Dan permezz ta’ rċevuti foloz u xogħol li ma jkunx sar.
Din mhix xi ħaġa ġdida għall-MEP ħabiba ta’ Casa u Busuttil li fl-imgħoddi kienet saħansitra tefgħet lil ommha fuq il-kotba tal-Parlament Ewropew biex idaħħal iktar flus. Fi żmien fejn diġà kienu jeżistu dubji kbar dwar il-karattur ta’ Comi, Busuttil u Casa kienu qed jistednuha tiġi Malta titkellem kontra l-Gvern. Fost oħrajn kienet ġiet Malta f’konferenza ta’ David Casa biex tgħamel akkużi fuq Visas mill-Alġerija li eventwalment spiċċaw imgiddba mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Awditur Ġenerali.
Comi kienet tat ukoll kummenti mal-midja Maltija biex tikkritika lill-Prim Ministru u f’ħafna okkażjonijiet il-kummenti tagħha xxandru fuq Net Television bħala parti mill-kampanja li f’Malta m’hawnx Rule of Law. Fuq kollox kien spikka l-appell ta’ Comi qabel l-elezzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali biex nivvotaw lil Simon Busuttil li ddeskrivitu bħala ħabib.
Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ġab jitkellmu Malta nies li mbagħad f’pajjiżhom jinstab li huma fil-qalba ta’ skandli mill-iktar kbar.