Fi stħarriġ, li sar mill-Awtorità tad-Djar, ġie rrapportat livell għoli ta’ sodisfazzjoni għas-servizzi offruti mill-Istat fis-settur.
Minkejja dan, tliet snin wara l-introduzzjoni tal-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati tal-2020, l-inkwilini rrapportaw livell aktar għoli ta’ sodisfazzjon primarjament bid-drittijiet imħarsa.
Min-naħa l-oħra, ma kien hemm l-ebda differenza bejn is-sidien u l-inkwilini fil-livell ta’ sodisfazzjon fil-ħlasijiet tal-kirjiet, waqt li tlieta minn kull erbgħa mis-sidien qalu li l-probabbiltà li jġeddu l-kuntratt tal-kiri mal-inkwilini preżenti hu għoli.
Aktar minn hekk, kemm is-sidien kif ukoll l-inkwilini jippreferu kuntratti ta’ sena sena, iżda madwar terz ta’ dawk li ġew intervistati jaqblu favur kuntratti itwal li jvarjaw minn sentejn għal tliet snin.
Jirriżulta wkoll li d-dħul gross medju tal-kiri għas-sidien hu ta’ madwar €12,000 fis-sena, u erba’ minn għaxar sidien għandhom proprjetà waħda biss fis-settur. Dan fl-istess ħin li erbgħa minn kull ħames sidien saħqu li l-kiri tal-proprjetà jqisuh bħala xogħol part-time u dħul sekondarju.
L-istħarriġ tal-Awtorità sab li l-maġġoranza tal-inkwilini f’pajjiżna jvarjaw bejn adulti żgħażagħ, barranin u persuni b’livell għoli t’edukazzjoni, filwaqt li l-maġġoranza tas-sidien huma Maltin, adulti kbar, inkluż minnhom li huma rtirati.