Riċentament il-korsa taż-żwiemel tal-Marsa reġgħet ingħatat dehra ġdida wara li ntlaqgħet t-talba ta’ bosta sidien u ġerrejja sabiex jinbidel ir-ramel f’wieħed aħjar biex itellqu fuqu.
Dan ir-ramel se jkunu jistgħu jgawdu minnu ‘l fuq minn ħames mitt żiemel, mitejn u wieħed u ħamsin sid u mitejn u tnejn u erbgħin ġerrej li huma rreġistrati.
Kienu bosta dawk li huma sidien taż-żwiemel li rringrazzaw lill-Gvern tax-xogħol li sar fejn fosthom, Anton Rea Cutajar, li huwa l-President tal-Assoċjazzjoni tas-Sidien taż-Żwiemel.
Saħaq li l-ġiri taż-żwiemel huwa sport li jiġġenera ħafna flus f’pajjiżna u li dejjem baqa’ popolari.
Anton Rea Cutajar spjega: “In-nies kif jaraw it-tajjeb jixtru ż-żwiemel u meta ma jkunx hawn korsa tajba n-nies ma jonfqux flus fuq iż-żwiemel u ta’ min jgħid li dan l-isport huwa l-iktar sports li jħalli flus f’Malta.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima saħaq li meta kienet saret l-elezzjoni bejn dawk membri fl-Assoċjazzjoni tas-Sidien taż-Żwiemel kienu ivvutaw iżjed minn nofs ta’ dawk li kienu reġistrati.
Saħaq li huwa importanti li din l-Assoċjazzjoni jkollha bażi stabbli kif ukoll waħda li tkun il-vuċi ta’ dawn is-sidien sabiex l-Gvern ikun jista’ jgħinhom.
Huwa qal, “Illum qegħdin naraw ramel ta’ kwalità li propju permezz tiegħu ħa jkollok is-sidien ta’ żwiemel ħa jkollhom aktar għodda biex anke jilħqu ħinijiet aħjar u fuq kollox ħa nkomplu naħdmu, kif għamilna fix-xhur li għaddew, sabiex nassiguraw li dan l-isport, tant popolari mal-Maltin u mal-Għawdxin ikompli jikber u fuq kollox ikompli jitfa’ lil pajjiżna fuq il-mappa ta’ dan l-isport anke fis-settur internazzjonali.”
Intant mill-Erbgħa, il-korsa se tkun qed terġa’ tinfetaħ għat-taħriġ u minħabba xi xogħlijiet li qed isiru, kullħadd huwa mitlub jidħol min-naħa ta’ Triq Diċembru Tlettax.