Erba’ kumpaniji tal-assigurazzjoni f’pajjiżna appellaw biex is-sidien tal-karozzi jagħżlu tellgħara u sprayers professjonali meta jkollhom bżonn isewwu l-karozzi tagħhom.
Atlas, Mapfre Middlesea, Elmo u GasanMamo nedew skema bl-għan li t-tellgħara u isprayers li jagħtu servizz ta’ kwalitá tajba jiġu ċertifikati biex b’hekk is-sewwieqa jkunu jafu lil min se jkunu qed jagħtu l-karozza tagħha għat-tiswija.
Din l-iskema ġiet intitolata bħala Quality Vehicle Repairs (QVR), liema skema tobbliga lit-tellgħara u spayers biex iwaħħlu tabella mal-garaxx ta’ fejn jaħdmu biex b’hekk kull sena esperti internazzjonali f’dan il-qasam ikunu jistgħu jispezzjonaw is-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema.
Il-ħaddiema ta’ dawn l-erba’ kumpaniji tal-assigurazzjoni se jkunu jistgħu jassistu bl-aħjar mod lill-klijenti tagħhom hekk kif ingħataw it-taħriġ neċċessarju biex wara li jidentifikaw il-grad ta’ ħsara ikunu jistgħu jgħinu lis-sid tal-karozza biex jagħżel it-tellgħar li joffru servizzi adattati għalih.
Il-kriterji li fuqhom ġew ikklassifikati t-tellgħara fost oħrajn jinkludu t-tip ta’ tiswija u servizz li joffru lill-klijenti. Dan it-taħriġ u dawn iċ-ċertifikati se jkunu qed jgħinu lis-sidien tal-karozzi biex jagħmlu għażla aktar infurmata meta jiġu biex jagħżlu t-tellgħar u l-isprayer tagħhom.