“Għal-ħanut żgħir issa nistgħu nippjanaw u nippreparaw għall-ħlas tal-kera bi tmien snin minn qabel.”
Hekk stqarr Kevin Galea, sid ta’ ħanut tal-laħam li qed igawdi mill-iskema ta’ reviżjoni tal-kirjiet kummerċjali tal-Gvern.
Skema li permezz tagħha l-kirjiet kummerċjali ser jingħataw estensjoni sal-2028 b’żieda stabbli ta’ 5% fil-kera kull sena.
Kevin Galea stqarr kif din l-iskema ġabet ċertu stabbilità fit-tmexxija tan-negozju żgħir tiegħu.
Huwa qal, “Min hu bħali, ħanut żgħir, din l-iskema taffettwa ħafna għaliex kulħadd jaf li min ikun fil-kera, dik is-sena li tkun ġejja biex tagħmel il-kuntratt, qisek tibża’, tibda tgħid kemm ħa togħla, jekk hux affordabbli. U hekk għallinqas nafu li għandna tminn snin, nafu l-kera kemm ħa tiġi u nistgħu nassorbuha bħala ħanut żgħir.”
Din l-iskema hija limitata għal dawk il-kirjiet li skadew u qed jistennew tiġdid u dawk li ser jiskadu sas-sena 2023.
Il-kirjiet permezz tal-iskema ser jingħataw estensjoni sal-1 ta’ Ġunju 2028 b’żieda ta’ 5% fil-kera fis-sena.
Dan filwaqt li dawk li diġà aċċettaw il-kirja u bdew iħallsu il-kirjiet bil-prezz rivedut, ser ikunu qed jingħataw rifużjoni tad-differenza.
Dawk il-kirjiet li ġew aċċettati diġà u bdew jitħallsu iżda jiskadu wara l-1 ta’ Ġunju 2028, għandhom żewġ għażliet.
Jew li jinżamm dan il-kuntratt ta’ kirja l-ġdida jew li jiġi aċċettat li tidħol fl-iskema u din il-kirja tintemm fl-1 ta’ Ġunju 2028.
Il-Ministru għall-ekonomija u l-industrija, Silvio Schembri stqarr kif din l-iskema qed tagħti nifs ġdid u serħan il-moħħ lin-negozji żgħar.
Huwa stqarr: “Ridna li nagħtu serħan il-moħħ iktar trasparenza u inqas burokrazija. Li m’hemmx bżonn joqogħdu jqabbdu perit, imbagħad il-perit idum biex jagħmel l-istima u l-istima tmur għand l-awtorità. Imbgħad iridu jerġgħu ikellmuhom lura. Dak kollu spiċċa, proċess tal-iskema huwa wieħed sempliċi ħafna, li jiġu notifikati li ħa tispiċċa l-kera, jkun hemm l-interess li tiġġedded u l-kera tiżdied b’5% żieda fis-sena.”