Numru ta’ sidien ta’ propjetajiet privati, li qed jintużaw bħala każini tal-banda, diġà bdew juru l-interess fl-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern.
Din is-sejħa, li ħarġet f’nofs Jannar se tara li s-sidien ikkonċernati jidħlu f’diskussjonijiet mal-Gvern sabiex flimkien tinstab soluzzjoni li minnha jgawdu kemm is-sidien, li bi dritt għandhom igawdu minn dak li hu tagħhom u anki s-soċjetajiet mużikali, li jistgħu jiġu żgumbrati mis-sede li ilhom jokkupaw is-snin.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Kultura, José Herrera spjega li wara li saru evalwazzjonijiet indipendenti tal-propjetajiet inkwistjoni, twaqqaf ukoll kumitat li se jkun qed jiskrutinja dan il-proċess.
Fil-fatt din is-sejħa ta’ interess bdiet wara li skont sentenzi tal-Qorti, is-sidien tas-sede tas-soċjetajiet mużikali, jistgħu jgħollu l-kera kemm iridu jew saħansitra jiżgumbraw lill-każini tal-banda.
Il-Ministru Herrera tenna, “Dan qed nagħmluh sabiex nissalvagwardjaw kemm l-interessi tal-baned illi minħabba żviluppi fil-ġurisprudenza riċenti sabu ruħhom f’diffikultà, għax jistgħu jispiċċaw barra kif ukoll is-sidien li b’dan il-mod jistgħu jiġu mħallsa tal-assi tagħhom b’mod ġust u ekwu u allura lħaqna dan il-bilanċ bejn id-drittijiet rispettivi tagħhom.”
B’din id-deċiżjoni ġew affetwati mat-23 soċjetà mużikali fi 17-il lokalità f’Malta u Għawdex, fosthom fil-Belt u Raħal Ġdid.
Il-Ministru Herrera tenna li kien għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jidħol f’negozjati mas-sidien li jixtiequ jbiegħu l-propjetà lil Gvern, biex imbagħad il-Gvern jagħti b’kirja adegwata l-binja lis-soċjetajiet biex il-propjetà tibqa’ tintuża bħala sede.
Dan se jsir permezz tal-kumpanija Malita Investments kif ukoll il-Gvern mistenni jiffinanzja x-xiri tal-proprjetajiet inkwistjoni minn fondi tal-programm ta’ residenza li bih tista’ tikseb iċ-ċittadinanza.