Wieħed u erbgħin sid ta’ negozju gradwaw mill-programm ta’ taħriġ eBiznify eCommerce.
Dan huwa kors offrut mill-Gvern li għandu l-għan li jressaq lis-sidien tan-negozji aktar viċin l-aspett diġitali tal-kummerċ.
Waqt iċ-ċeremonja tal-gradwazzjoni ntqal kif fl-għaxar snin li ġejjin, id-domanda ta’ impjiegi fis-settur tat-teknoloġija tal-informatika mistennija tiżdied b’madwar tnejn u għoxrin fil-mija.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri faħħar il-ħidma tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li organizzat dan il-programm flimkien mal-Fondazzjoni Maltija tal-eSkills, u ħeġġeġ aktar sidien ta’ negozji biex jinvestu fl-għarfien diġitali.
Qal, “L-ekonomija diġitali iktar ma jmur iktar qed tiżdied u qed tieħu importanza ċentrali mhux biss f’Malta imma madwar id-dinja. Ovvjament, iktar kemm tikber l-ekonomija diġitali iktar ikun hemm bżonn ta’ ħaddiema bil-ħiliet neċessarji fl-ICT u dak kollu marbut miegħu. Issa din hija ġlieda bejn il-pajjiżi kollha. Min jirnexxielu jirbaħ l-iktar ħiliet ġewwa pajjiżu u min jirnexxielu jkollu l-iktar nies imħarrġa ġewwa pajjiżu.”
Rachel Borg, studenta li gradwat minn dan il-kors, sostniet kif minkejja li hija sidt ta’ ħanut żgħir tal-ħwejjeġ, xorta kisbet għarfien importanti li se jgħinha fin-negozju tagħha.
Spjegat, “Ħassejt il-bżonn li nagħmel xi ħaġa biex nitgħallem iktar kif inbigħ online speċjalment, u kif nagħmel website kienet l-iktar ħaġa interessanti. Dħalt għal dan il-kors online pprovdut mill-Gvern. Kien kors vera intensiv u informattiv ħafna u vera tgħallimt, minn website tgħallimt ħafna affarjiet oħra li qatt ma mmaġinajt li kont nitgħallem kieku.”
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-kors, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku https://ebiznify.com/.