Fiż-żmien li ġej, sidien ta’ djar fil-Home Ownership Scheme fil-Mosta se jkunu jistgħu jersqu għall-kuntratt finali tal-proprjetà tagħhom, hekk kif intemmu l-proċeduri legali kollha quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ tal-Artijiet dwar il-kumpens li kellhom jingħataw is-sidien li tteħditilhom l-art biex inbnew dawn id-djar.
Ftit ġimgħat ilu, fil-Gazzetta tal-Gvern ġiet ippubblikata d-dikjarazzjoni dwar l-akkwist mill-Awtorità tal-Artijiet ta’ artijiet, li fuqhom kien sar il-proġett tal-Home Ownership Scheme fil-Mosta.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li fl-aħħar jiem wieġeb mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Laburista Alex Muscat, qal li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab fil-proċess li tgħaddi l-art akkwistata fl-inħawi magħrufa bħala tad-Dib, fil-Mosta, lill-Awtorità tad-Djar.
Kif jintemm dan il-proċess, l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tibda tiffinalizza l-kuntratti ma’ madwar 35 familja fl-iskema f’dawn l-inħawi biex dawn ikollhom is-serħan tal-moħħ minn titlu sigur ta’ darhom.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wkoll poġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-akkwist tal-proprjetà mill-Awtorita tal-Artijiet, flimkien mal-pjanti relattivi tal-artijiet li flimkien jagħmlu aktar minn 15,500 metru kwadru.
Din il-ħidma mill-Awtorità tal-Artijiet qegħda ssir fl-isfond tal-wegħda elettorali 639 li l-Partit Laburista kien għamel fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ fl-2022 biex jindirizza s-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jgħixu fi plots tal-Home Ownership Scheme u li kienu għadhom ma sarux sidien sħaħ ta’ darhom.
Hu mifhum li l-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli għaddejja b’din il-ħidma biex jiġu solvuti wkoll kwistjonijiet pendenti dwar akkwist ta’ artijiet f’lokalitajiet oħrajn fejn ukoll hemm sidien ta’ djar tal-home ownership scheme, li għadhom ma resqux għall-kuntratt finali.