Wara li l-Gvern ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikat tal-vaċċin, kienu diversi ħaddiema fis-settur turistiku li raw din l-aħbar bħala raġġ ta’ dawl ieħor wara xhur ta’ sfidi minħabba l-pandemija.
Sean Gravina, Chef u sid ta’ ristorant fil-qalba taż-żona turistika f’San Ġiljan qal li dan iċ-ċertifikat huwa essenzjali fit-triq ’il quddiem għal dan is-settur.
Gravina tkellem ma’ ONE News fejn sostna li għalkemm hemm bżonn il-kawtela sabiex noħorġu mir-realtà tal-pandemija, iċ-ċertifikat tal-vaċċin kien pass ta’ ġgant u fid-direzzjoni t-tajba biex jgħin anki lir-ristoranti li jgawdu mhux biss bil-Maltin iżda anki bit-turisti li waqt btala jimlew il-ħawsla bit-tjubija li joffru r-ristoranti Maltin.
Huwa qal, “Biex insibu l-bilanċ bejn il-pandemija u t-turiżmu naħseb li dik kienet l-unika triq li kellna nieħdu.”
Huwa sostna li din ma kinitx l-unika inizjattiva tal-Gvern li għen fir-riġenerazzjoni ekonomika ta’ Malta. Fil-fatt, huwa nnota kif il-vouchers taw u se jkomplu jagħtu saħħa lill-konsumaturi u anke lin-negozji Maltin, minħabba f’hekk, huwa jinsab ottimist hekk kif dawn il-vouchers se jkunu jistgħu jintużaw minn nhar it-Tnejn li ġej.
Apparti minn hekk, Gravina spjega kif il-Covid Wage Suppliment kienet dik li salvat eluf ta’ ħaddiema milli jitilfu xogħolhom.
Huwa sostna: “Il-Wage Suppliment, dan qed jgħidu kulħadd li l-wage suppliment salva eluf ta’ impjiegi speċjalment fis-settur tiegħi. Mingħajr wage supplement naħseb l-istorja kienet tkun ħafna differenti. J’Alla jiġi żmien fejn ma jkollniex bżonnu l-wage supplement. Kif qed nara jiena, bil-passaport tal-vaċċin u b’kif qed nimxu ‘l quddiem, importanti li nżommu l-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija u jekk k’Alla jrid naħseb li wasalna. ”
Intant, aktar kmieni t-Tlieta filgħodu il-Prim Ministru Robert Abela kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fejn sostna li ċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa prova ta’ tmexxija b’saħħitha waqt żmien ta’ kriżi, hekk kif dan seta’ jsir biss wara li pajjiż ikun f’qagħda tajba ta’ saħħa.
Il-Prim Ministru stqarr: “In-numri ta’ bookings jidhru li huma pożittivi għaliex it-turist qed iħares lejn pajjiżna u jara pajjiż li kellu mmaniġjar tajjeb tal-pandemija. Is-sitwazzjoni mill-aspett mediku f’pajjiżna hija waħda tajba sforz is-sagrifiċċju kollettiv li għamilna bħala poplu u jien inħares ’il quddiem b’sens ta’ ottimiżmu u kuraġġ.”