Sid ta’ restorant u chef wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ droga u li ta daqqiet b’ħadida lil mara fil-ħanut tiegħu f’Birkirkara.
Keith Gravina, ta’ wieħed u erbgħin sena mill-Furjana, tressaq il-Qorti dwar dan il-każ, li seħħ fit-30 ta’ Settembru.
Huwa ġie mixli li attakka lill-mara, li r-relazzjoni tal-akkużat magħha mhix ċara, u li wassal għal ġrieħi gravi fuq il-mara b’arma li taqta’ u bil-ponta. Huwa kien akkużat ukoll b’pussess ta’ kokaina, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu f’Ġunju tas-sena l-oħra.
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Id-difiża tmexxiet mill-Avukat Matthew Xuereb.