Raġel Ingliż ta’ 26 sena, li jaħdem f’ristorant f’San Ġiljan, ammetta li seraq lil sid ir-ristorant €4,000.
Fix-xhieda tiegħu, is-sid iddikjara li ħafer liż-żagħżugħ għax fi kliemu huwa bniedem mill-aħjar u tajjeb f’xogħlu, filwaqt li qal li lest jagħti lill-imputat sentejn ċans biex irodd lura l-flus u lest jgħinu biex jidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni biex ma jħallix il-vizzju tas-serq jirkbu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Zammit Stafrace, ħadet nota tad-dikjarazzjoni tax-xhud, u nnutat li dan kien l-ewwel reat taż-żagħżugħ. Għalhekk ordnatlu biex isegwi ordni ta’ trattament u ordni ta’ probation għal tlett snin.
Il-Qorti wissiet lir-raġel biex jobdi d-direzzjonijiet tal-professjonisti u għarftiu li jekk jikser dawn l-ordnijiet, jerġa’ jittella’ l-Qorti, b’riskju li jeħel sentenza effettiva ta’ priġunerija. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex l-ismijiet ma jixxandrux.