Vjaġġ sabiħ ’il bogħod mill-ħażen tat-triq, ħabbatt il-bieb tal-Caritas u sibt l-għajnuna.
Dan huwa kliem Daniel Paul Grima, raġel ta’ 42 sena, li kienu ilu 25 sena bil-vizzju tad-droga, li għajja jissielet waħdu fi ġlieda li qatt ma seta’ jirbaħ.
Grima stqarr, “Tgħajja fit-triq hux, tispiċċa f’ċertu punt li taħdem kemm taħdem għalxejn. Id-droga hija kerha. Taħdem kemm taħdem għalxejn, dejjem bla flus. Tagħmel id-dejn biex issolvi problema oħra, tissellef mingħand dak, tissellef mingħand l-ieħor. Tispiċċa tixtri d-droga, tissellef biex tħallas dejn, nies jiġru warajk. Kerha hux.”
Lejlet il-Jum Internazzjonali Kontra d-Droga qalilna li huwa sab l-imħabba, tgħallem iħobb lilu nnifsu u japprezza sal-iċken mument li qabel għalih ma kien jiswa xejn.
Hu qal, “Hawnhekk ħa ssib l-imħabba, li fit-triq aħna konna neqsin minnha. Għax aħna, meta tkun fit-triq inti mhux vera tkun tħobb la lilek innifsek lanqas lin-nies ta’ madwarek għax tkun qed tweġġa’ lilek innifsek bl-affarijiet li tkun qed tagħmel, allura ma tkunx qed tħobb lilek innifsek. Hawnhekk jgħallmuk tħobb lilek innifsek u mbagħad tibda tapprezza aktar affarijiet. Eżempju, tkun qiegħed hawn ġew joħduk sal-baħar, tibda tapprezza li mort fejn il-baħar, ħadt dak il-ġelat li tkun nieqes minnu hawn ġew.”
Il-programm tal-Caritas f’San Blas għenu jsib saqajh, u fl-aħħar, wara snin, qata’ xewqa li l-vizzju tad-droga qatt ma ħallih iwettaq.
Hu stqarr, “Kemm ilni li għamilt il-programm, ilni naqra barra issa, kont dejjem ngħid, jien supporter tal-Milan, dejjem meta kont barra qabel kont ngħid irrid immur narahom, nipprova nġemma imma d-droga ma tħallikx. F’dawn is-sitt xhur li ilni barra sifirt erba’ darbiet, mort narahom erba’ darbiet.”
Iżda fuq kollox, b’emozzjoni kbira, b’għajnejn mimlija dmugħ, qal li l-akbar differenza li jħoss hija t-tgħannieqa tal-ġenituri tiegħu, li matul is-snin qal li kissirhom bl-inkwiet meta kienu jarawh mikul mill-vizzju.
Grima temm jgħid, “Anke l-omm u l-missier, tgħannieqa. Jien ma ngħixx magħhom, ngħix mat-tfajla, tmur tarahom anke t-tgħannieqa li jagħtuk qabel titlaq hija differenti minn sena u nofs ilu.”