Sibt iswed. Tliet persuni tilfu ħajjithom f’inċidenti separati tat-traffiku li seħħew f’ħinijiet differenti tal-jum u postijiet differenti tal-pajjiż.
L-ewwel inċident seħħ kmieni fil-għodu fil-Mellieħa meta għall-ħabta tas-siegħa u nofs karozza tat-tip Daihatsu Sirion baqgħet dieħla f’ambulanza tas-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar fit-tela’ ta’ Selmun.
Passiġġieri li kien fi Daihatsu tilef ħajtu fuq il-post filwaqt li sebgħa oħra ddaħlu l-isptar bix-xufier tal-karozza jiddaħħal f’qagħda kritika.
Jirriżulta li s-sewwieq tal-karozza, barrani ta’ madwar għoxrin sena, tilef il-kontroll tal-vettura u qasam għal fuq il-karreġjata l-oħra fejn seħħ impatt qawwi mal-ambulanza.
Sakemm waslu erba’ ambulanzi ta’ Mater Dei fuq il-post u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lill-midruba mill-karozza, l-ewwel għajnuna ingħatat mill-ħaddiema tal-ambulanza involuta fl-inċident. Għalkemm il-persuni ta’ fuqha wkoll soffrew ġrieħi ħfief.
Għal ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu imbgħad ittajjar anzjan ta’ tnejn u sebgħin sena fil-Marsa. Ir-raġel intqlaqat minn vettura tat-tip Citroen misjuqa minn raġel ta’ seba u tletin sena residenti Ħaż-Żabbar.
Jidher li r-raġel kien qed jipprova jaqsam it-triq biswit il-kavallerija tal-pulizija. Fuq il-post kien hemm ħafna dmijja taħt il-karozza involuta fl-inċident, biex imbgħad l-anzjan ġie iċċertifikat mejjet wara li ttieħed l-isptar Mater Dei.
Inċident ieħor seħħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar fil-Baħrija. Dan ħalla anzjana oħra ta tmienja u sebgħin sena mejta wara impatt bejn il-karozza Toyota Corsa li kienet passiġġiera fiha u Land Rover li kienet ipparkjata.
Għalkemm issejħet ambulanza, l-anzjana ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Din kienet it-tielet fatalita’ matul il-ġurnata tas-sibt u l-erbatax –il fatalita kawża ta’ inċidenti stradali mill-bidu tas-sena sa issa.