Sibt il-Għid, wieħed mill-aktar jiem impenjattivi għas-sagristana u l-volontiera tal-knejjes madwar Malta u Għawdex. F’dan il-jum il-Knejjes jiżżarmaw mill-ilbies iswed tal-Ġimgħa l-Kbira u jibdew jintlibsu l-ilbies aħmar għall-Għid, l-akbar festa tal-Knisja li tiċċelebra r-rebħa ta’ Sidna Ġesu’ Kristu fuq il-mewt.
ONE News żar il-Kolleġjata ta’ Bormla, fejn kienu qed jiżżarmaw il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u beda jintrama’ l-armar tal-Għid fosthom il-vara tant għażiża għall-Bormliżi, dik ta’ Kristu Irxoxt. Armar li jsir skond il-liturġija tal-Knisja fl-Għid, hekk kif minn atmosfera ta’ dieqa tmur għall-atmosfera ta’ ferħ u ċelebrazzjoni.
Johnny Galea, wieħed mill-volontiera ta’ din il-parroċċa qal kif ix-xogħol inbeda nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija hekk kif ingħalqet il-Knisja. Minkejja li l-Purċissjoni ma ħarġitx, is-Sibt filgħodu xorta kienet għadha għaddejja ħidma biex il-vari jiżżarmaw minn fuq il-bradelli. Dan hekk kif dan huwa xogħol impenjattiv u li jrid isir bil-galbu.
Gaelea tenna, “Allura minħabba f’hekk filgħodu jkollna niżbarazzaw dak kollhu li għandu x’jaqsam mal-Ġimgħa l-Kbira minn ġol-Knisja u nippruvaw mhux biss ineħħu l-affarijiet u nippruvaw indaħħluhom f’posthom. Bħalissa diġa daħħalna x-xogħol fl-oratorju, ħafna minnhom diġa qegħdin fin-niċċeċ f’posthom u mogħtijjin għax ma jidhrux matul is-sena. Faddlilna biċċa xogħol imprekattiva li għandna maħżen taħt il-knisja fejn irridu jinżlu l-bradelli u l-kaxxi tagħhom.”
Hekk kif jiżżarma l-armar kollu tal-Ġimgħa l-Kbira jibda jintrama’ imbgħad l-altar maġġuri bl-aktar armar rikk biex jitħejja għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika.
Huwa qal, “Jintramaw il-pilastri maġġuri ta’ ħdejn l-altar maġġur u tintrama l-arkata bil-pavaljun il-pilastri fejn tkun se tintrama l-istatwa tal-irxoxt. Ovvjament l-artal hawnhekk huwa li fl-Għid jintrama b’sett gandlieri Prima biss bl-appostli. Dawn il-gandlieri huma prezzjuzi ħafna għax kienu jintużaw fil-festa. Dawn narmawhom biss f’okazzjonijiet speċjali.”
Nhar Sibt il-Għid ma ssirx quddies u l-Knisja tinfetaħ biss filgħaxija għal funzjoni tal-Għid fit-tmienja ta’ filgħaxija.
Ikun mal-kant tal-Glorja li l-Knisja tinxtegħel hekk kif il-Knisja tibda tiċċelebra l-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu mill-mewt.
Stqarr, “Barra minn hekk hija popolari filfatt ngħidulu l-irxoxt tal-Maltin, għaliex huwa popolari ħafna. Baqa’ popolari għax ikollna l-ġirjiet tradizzjonali kull sena li jkunu qed jistennew in-nies. Noħorġu purċissjoni minn hawn x’ħin naslu ħdejn il-kunvent ta’ Santa Margerita issir it-tberik tal-figolli. Il-purċissjoni toħroġ fid-9:15am u tidħol fis-13:00pm.”