Xahrejn mit-tnedija uffiċjali tal-uniformi l-ġdida tal-Pulizija, żewġ surġenti minn skwadri differenti faħħru l-elementi ta’ kumdità li toffri, speċjalment f’kundizzjonijiet varji tat-temp.
Dylan Gerada, surġent stazzjonat fl-Għassa taż-Żejtun, qalilna kif fil-ħidma tagħhom, jiltaqgħu ma’ ċirkostanzi diversi f’elementi tat-temp differenti.
Qal, “Il-materjal tagħha, l-uniformi l-ġdida, huwa materjal water resistant, jiġifieri meta qegħdin inħarsu lejn temp xitwi bix-xita, qed tilqa’ f’ċirkostanzi fejn ikollna naħdmu f’collisions fit-triq, aċċidenti, il-maltempata li għadna kif għaddejna minnha dal-aħħar fix-xita, tiffrankalna li aħna nsiru għasra u l-ħin tagħna huwa twil, għandek tnax-il siegħa shift. Jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu li inti l-ewwel biċċa xogħol tiegħek fl-elementi daħlet fil-bidu tax-shift, ma tagħmilx ix-shift kollu mxarrab.”
Fil-fatt, din l-uniformi hija magħmula b’materjal apposta li jagħmilha adattata għall-klima ta’ Malta.
Iżda mhux biss. L-uniformi l-ġdida ma tiddistingwix bejn is-sessi, u tinkludi karatteristiċi ta’ sigurtà u kumdità.
Qal, “Bħala uniformi hija aktar komda, stretchable, u għandek uniformi waħda li tista’ tintuża matul is-sena sħiħa. Qabel konna b’żewġ uniformijiet separati tas-sajf u tax-xitwa, issa jekk inti tinzerta fl-istaġun tas-sajf u nzertat ġurnata maltemp, inti għandek uniformi li trid tintlibes għas-sajf. L-uniformi tal-lum hija kompluta u tintlibes kif kull persuna tħossha komda fiċ-ċirkostanza u fejn ħa tkun qiegħda taħdem.”
ONE News tkellem ukoll mas-surġent Gareth D’Amato, mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit.
F’ronda ma’ uffiċjali minn dawn l-iskwadra, stajna ninnutaw il-kumdità u flessibilità li toffri l-uniformi l-ġdida f’xogħol tant kumpless li f’ċertu sitwazzjonijiet jirrikjedi ħafna moviment, u f’oħrajn, ħin twil bilqiegħda.
Qal, “Bażikament ix-xogħol tagħna jinvolvi ħafna affarijiet speċjalment meta noħorġu fuq xogħol irridu nkunu komdi. Ħafna mix-xogħol jinvolvi ħinijiet twal ġol-karozza wkoll, ħinijiet bilqiegħda, arresti wkoll, u bħala uniformi sibniha komda peress li hi flessibbli u għandha materjal li jista’ jgħinna fix-xogħol tagħna.”
Fuq kollox, l-għan ewlieni tal-uniformi l-ġdida, li tnediet f’Jannar li għadda b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro, huwa li tqarreb lill-uffiċjali aktar lejn il-komunitajiet.
Qal, “Kien hawn il-perċezzjoni li meta ħa ninżgħu l-uniformi tal-qmis u l-ingravata se jintilef ir-rispett tal-pubbliku lejn il-Pulizija. Is-surveys urew il-kontra għax inti r-rispett tal-pubbliku ma ġġibux kif tidher imma l-attitudni tiegħek man-nies li jkollok x’taqsam magħhom.”