Sabrina Grima, malli tħares lejha, aktarx li terġa’ tħares, għaliex verament tfalja sabiħa. Tolqtok l-aktar is-saħħa li tidher li għandha. Infatti Sabrina bħalissa qed tipprepara għall-ikbar kompetizzjoni fis-saħħa u sbuħija tas-sena, il-World Beauty Fitness & Fashion fil-Kanada f’Awwissu li ġej.
Sabrina hija tfajla ta’ 27 sena. Ġurnata tipika tagħha hija din: tqum fil-ħamsa ta’ filgħodu, tagħmel it-training, tmur ix-xogħol full time sal-ħamsa ta’ filgħaxija, u wara tnax-il siegħa mqajma, tmur tħarreġ lin-nies f’dak li jissejjaħ Insanity: wieħed mill-aktar programmi ta’ fitness intensivi li hawn fis-suq. Jekk dan mhux biżżejjed, fi tmiem-il ġimgħa Sabrina tmur ġirja fil-kampanja, jek inkella l-gym.
Imma tħossha għajjiena f’xi ħin? “Ovjament iva, ngħejja u ngħejja ħafna” twieġeb Sabrina, imma tgħid li din hija l-passjoni tagħha u anke żvog.
“Naf li qed ngħamel xi haġa biex intejjeb mhux lili nnfsi biss, imma lil ħafna oħrajn li jiġu jitrenjaw Insanity miegħi.”
Sabrina tgħid li l-iktar ħaġa li tinċentivaha hija li kuljum tħossha aktar b’saħħitha mill-jum ta’ qabel.
“Ma narax li hemm ‘iżżejjed’ minn xi ħaga li kull ma tagħmillek huwa ġid u saħħa biss”
Nistaqsi b’faxxinu x’tiekol biex tibqa’ bil-figura li għandha u biex tenerġiżża ruħha. Tgħid li żaqqha tħobbha ħafna, iżda żżomm lura minn ċertu affarijiet tal-ikel, speċjalment meta tkun trid tipparteċipa f’xi kompetizzjoni. Tibbaża d-dieta tagħha fuq protejini, bħal tiġieġ, laħam aħmar u abjad tal-bajd. Tieħu wkoll karboidrati, bħal ross u patata. Iżda fuq kollox tikkonsma ħafna ħaxix.
Minn eta’ żgħira Sabrina dejjem kienet tinteressa ruħha f’attivitajiet bħal żfin u ġiri. Iżda kien sentejn ilu li evolviet Train Insane Malta. Pass li ppermettielha tmur saħansittra New York biex tingħata ċertifikazzjoni. Ottubru ta’ sentejn ilu mmarka l-ewwel sehem tagħha f’kompetizzjoni tal-bodybuilding, bl-għajnuna tal-kowċ tagħha. Illum-il ġurnata Sabrina hija kompetittriċi professjonali internazzjonali u bi kburija tgħidilna li rebħet kampjonati Ewropej fil-kategoriji ta’ ‘fitness’ u ‘bikini’.
Sabrina tħarreġ membri li għandhom kull tip ta’ piż u eta’ – min ikollu għaxar snin u oħrajn jaqbżu l-ħamsin sena. Jagħmlu training magħha ssib nisa tad-dar, atleti u anke suldati. Ilkoll titkellem dwarhom daqs li kieku kienu membri tal-familja tagħha. Tgħid li l-ikbar sfida hija bejn l-individwu u hu nnifsu. Hija kwistjoni ta’ kemm dak li jkun kapaċi jagħti l-massimu tiegħu nnifsu.
Lil dawk li ma jħossuhomx xi stat eċċellenti ta’ fitness, Sabrina tagħtihom dan il-parir.
“Qatt m’hu tard wisq. Ilum hawn ħafna sports u fitness activities li tista’ tagħmel . Kulħadd għandu jsib xi ħaga li togħġbu. Jekk timxi, tiġri, tiżfen, terfa’ l-ħadid, hi x’inhi, l-importanti li tieħu gost tagħmila u li ssib passjoni, ħalli dejjem iżżommok motivat.”
Insaqsi lil Sabrina jekk temminx li teżisti sbuħija ideali, u twieġeb ‘le’.
“Jekk hemm xi ħaga mhux togħġbok fik innifsek , irispetta u ħobb lilek nifsek biżżejjjed biex tibdilha.”