Taħdem f’uffiċċju? Tħoss ħafna sħana jew bard waqt ix-xogħol?
Riżultati ta’ stħarriġ li sar fl-2015 fost 129 ħaddiem Amerikan jindikaw li 42% ta’ dawk li jaħdmu fl-uffiċċji jemmnu li fl-uffiċju jkun hemm wisq sħana, u 56% jemmnu li l-uffiċju fejn jaħdmu kiesaħ wisq.
Għal eluf ta’ snin, li wieħed jikseb temperatura ideali fl-uffiċju kienet biss ħolma. Kienu jipprovaw jagħmlu minn kollox fl-antik, saħansitra kien ikollhom persuni inkarigati biex irewwħu lill-ħaddiema. Fl-2016 wieħed jista’ jirregola t-temperatura kif irid hu. Iżda jidher li ħadd m’hu kuntent.
Skont rapport tal-BBC, li wieħed iżomm it-temperatura ideali fl-uffiċju għandha implikazzjonijiet finanzjarji serji. Jikkalkolaw li madwar 2% tal-ħin fl-uffiċji Ingliżi jinħela’ mill-ħaddiema jaraw kif se jżommu t-temperatura ideali. Dan jiswa £13 biljun lill-ekonomija Ingliża kull sena. Fl-Awstralja, is-sħana tremenda tiswa’ $6.2 biljun mill-produttività.
Esperti jemmnu l-ovvju, li temperatura ideali żżid is-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol, il-produttività, u l-kollaborazzjoni. Jekk it-temperatura ma tkunx tajba, ħaddiema jħossuhom qed jaħdmu bil-mod, iħossuhom ‘ħoxnin’ u saħansitra morda.
Iżda li tinstab temperatura ideali li tgħoġob lil kulħadd, il-ħin kollu, hija pratikament impossibli.
Mark Zuckerberg, il-moħħ wara Facebook, jaħlef li kamra tal-konferenzi għandu jkollha temperaturi li jġiegħlu lil dak li jkun iċekċek snienu – 15°C! Il-President Amerikan iżomm l-hekk imsejjaħ ‘Oval Office’ sħun tant li l-konsulent ewlieni tiegħu, biex jiċċajta, qal li hemm kapaċi jikbru l-orkidej.
Allura min għandu raġun?
Jekk inħarsu lejn il-produttività, ir-riċerka* turi li meta disa’ nisa fil-qasam tal-assigurazzjoni ħadmu f’temperatura ta’ 25°C, baqgħu jittajpaw bla waqfien b’rata ta’ żbalji li tlaħħaq biss l-10%. Meta t-temperatura naqset b’ħames gradi, il-produttività naqset bin-nofs u l-iżbalji irduppjaw.
Jirriżulta li aktar kemm it-temperatura tkun sħuna, aktar imorru tajjeb dawk li għandhom xogħolijiet fil-qasam kreattiv.
U meta studenti kienu mitluba jagħżlu l-aktar mobile phone ideali għalihom f’temperaturi differenti, għażlu l-aktar wieħed li jagħmel sens għalihom f’temperaturi ta’ 19°C, filwaqt li dawk f’temperatura ta’ 25°C għażlu wieħed ferm iktar sempliċi. Għażla li tista’ tindika li deċiżjonijiet ftit kumplessi aħjar jittieħdu f’temperaturi baxxi.**
Studju ieħor li sar, din id-darba fuq l-aspett emozzjonali, jindika li ġewwa kmamar sħan, ħaddiema aktar għandhom ċans iħossu sentimenti ta’ solidarjetà u ħbiberija lejn dawk ta’ madwarhom. Saħansitra jgħin li wieħed iżomm tazza kafe’ sħuna f’idejh. Li wieħed iżomm tazza kiesħa, imbagħad, iqanqal sentimenti aktar kliniċi.***
Konxji li b’dan l-artiklu ma provdejna ebda soluzzjoni. Iżda issa almenu, hu u jiġġieled għall-aktar temperatura ideal fl-uffiċju, wieħed jista’ jżomm f’moħħu ċertu konsiderazzjonijiet.
* http://pro.sagepub.com/content/49/8/823.abstract
** http://www.bauer.uh.edu/vpatrick/docs/Influence%20of%20Warm%20versus%20Cool.pdf
*** http://science.sciencemag.org/content/322/5901/606.abstract