L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ pajjiżna ssieħbet mal-ikbar organizzazzjoni tal-Arti Performattiva fl-Ewropa magħrufa bl-Ingliż bħala Performing Arts Employers Association League.
Dan wara li din l-assoċjazzjoni rrikonoxxiet ix-xogħol eċċellenti li qed isir minn naħa tal-Orkestra ta’ pajjiżna.
Pajjiżna se jkun fost għaxart elef organizzazzjoni tal-Arti Performattiva li għandhom l-opportunità li fost oħrajn jieħdu sehem f’konferenzi, jagħmlu użu minn fondi speċjali kif ukoll jirċievu gwida mingħand esperti barranin.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Sigmund Mifsud, stqarr li issa l-Orkestra se tkun tista’ tagħti vuċi lill-artisti Maltin fuq livell internazzjonali.
Qal, “Din hija organizzazzjoni importanti, organizzazzjoni li rrikonoxxiet ix-xogħol li l-orkestra tagħna qegħda tagħmel lokalment u ovvjament aħna ninsabu konvinti li nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna biex fis-sitwazzjoni li ħa naffaċċjaw ’il quddiem u nkunu nistgħu niddiskutu l-ideat tagħna u ovvjament nifhmu wkoll fis-settur internazzjonali l-affarjiet li qed jiġu diskussi biex nissalvagwardjaw is-settur kulturali”
Mifsud stqarr li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ pajjiżna rnexxielah twassal is-sinfoniji tagħha virtwalment lil iżjed minn ħames miljun persuna.
Qal, “Aħna bħala orkestra nħossuna responsabbli li mhux biss ngħinu fix-xogħol tagħna bħala orkestra pero bħala orkestra qegħdin nipprovaw nsibu soluzzjonijiet ta’ kif nistgħu ngħinu aktar l-artisti inġenerali billi naraw kif nistgħu nikkollaboraw ma’ artisti individwali biex noffru l-appoġġ li tant għandhom l-artisti tagħna.”
Id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali, Anita Debaere tenniet li tinsab kuntenta li l-Orkestra ta’ pajjiżna issa qed tagħmel parti mill-kappa t’assoċjazzjoni li tista’ tiftaħ iżjed beraħ l-opportunitajiet għall-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.