“It-teknoloġija blockchain hi parti essenzjali mill-istrateġija globali għat-teknoloġija nazzjonali tagħna li se twassal għal trasformazzjoni ta’ setturi differenti fil-Gvern” – il-Ministru Ian Borg
Il-Ministru Ian Borg ħabbar sħubija ma’ Omnitude – pjattaforma għal Multi-Enterprise Blockchain Middleware. Il-ftehim hu parti mill-istrateġija tal-Gvern għall-blockchain li se jwassal biex din it-teknoloġija tiġi implimentata fl-operat tas-servizz tat-trasport pubbliku Malti sabiex tiġi żviluppata pjattaforma għat-trasport u għal-loġistika bl-użu tat-teknoloġija blockchain middleware ta’ Omnitude.
Kmieni din is-sena l-Gvern approva strateġija għall-blockchain li tfisser li Malta hi mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li għandha strateġija nazzjonali għat-teknoloġija blockchain. Blockchain hi teknoloġija li madwar id-dinja hi kkunsidrata bħala l-pedament għar-rivoluzzjoni industrijali l-kbira li jmiss u li toffri effiċjenza u tiffranka l-ispejjeż. Inizjalment il-Gvern se jaħdem ma’ Omniutde biex jiżviluppa titjib ġenerali fl-affidabilità tas-servizz tat-trasport. L-aħbar tal-lum se twassal għal aktar innovazzjoni bl-użu ta’ teknoloġija middleware mingħand Omnitude.
Omnitude kienet ukoll riċentament imħabbra bħala msieħba teknoloġika fil-Formula 1 bi sħubija ma’ Williams Martini Racing għal analiżi tal-benefiċċji li l-blockchain jista’ joħloq għal proġetti avvanzati tal-inġinerija – l-ewwel użu tal-blockchain fil-Formula 1.
Il-Ministru qal, “Aħna nemmnu fit-teknoloġija blockchain ta’ Omnitude u fil-use-cases għall-Gvern. Aħna naraw il-potenzjal tagħha f’varjetà ta’ dipartimenti governattivi u se tippreżenta ruħha bħala pjattaforma teknoloġika li hi pedament, bħala parti mill-impenn tagħna li nimbuttaw l-innovazzjoni ’l quddiem. Se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini Maltin. It-teknoloġija blockchain hi parti essenzjali mill-istrateġija globali għat-teknoloġija nazzjonali tagħna li se twassal għat-trasformazzjoni ta’ setturi differenti”.
Chris Painter, il-kap eżekuttiv li waqqaf Omnitude qal, “Gvernijiet madwar id-dinja qed jibdew jaraw il-potenzjal tal-blockchain biex jiffrankaw l-ispejjeż u jissimplifikaw is-servizzi. Malta għandha gvern tassew progressiv u ninsabu ħerqana għall-potenzjal li din is-sħubija ġġib magħha. Bħala teknoloġija middleware, il-use-cases potenzjali ta’ Omnitude huma vasti u aħna ħerqana biex naħdmu mal-Gvern Malti biex newsploraw il-kapaċitajiet tal-ekosistema blockchain b’bażi wiesgħa li għandha Omnitude”.
Iż-żewġ naħat jinsabu ħerqana dwar il-potenzjal pijunier ta’ dan il-proġett li se jwassal għal benefiċċji kbar u reali permezz tal-implimentazzjoni tat-teknoloġija blockchain.