Fil-Marsa se tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn il-Pulizija u l-komunità fl-interess tas-sigurtà fil-lokalità, permezz ta’ proġett pilota ta’ Neighbourhood Watch.
B’dan il-proġett pilota, ir-residenti se jkollhom sehem iżjed dirett fiż-żamma tal-ordni fil-komunitajiet. Dan filwaqt li l-Pulizija se tkun qed tkompli ssaħħaħ ir-riżorsi fis-sigurtà f’aktar lokalitajiet.
In-Neighbourhood Watch se jkun qed jitħaddem b’mod ewlieni permezz ta’ koperazzjoni diretta mal-Pulizija tal-Komunità u ma’ uffiċjali oħrajn li jservu fl-għases tal-Pulizija u r-residenti.
Il-programm Neighbourhood Watch għalhekk se jkun kompost minn kordinatur f’kull żona tal-lokal biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn il-komunità u l-Pulizija kemm permezz ta’ mezzi soċjali kif ukoll b’laqgħat regolari ta’ kull xahar.
Dawn il-mezzi se jservu ta’ pjattaformi effettivi għar-residenti biex jirrapportaw kwalunkwe tħassib jew każi, filwaqt li l-Pulizija taġġorna u tgħaddi informazzjoni skont il-ħtieġa.
Is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi rrikonoxxa kull impenn muri mill-Pulizija u tkellem dwar materji li jeħtieġ li jkomplu jkunu indirizzati fil-lokalità.
Hawn is-Sindku faħħar tali inizjattivi, bħalma hi n-Neighbourhood Watch, u anke d-differenza pożittiva li ġabet l-introduzzjoni tal-Pulizija tal-Komunità fil-Marsa u l-koperazzjoni eċċellenti mill-Pulizija tad-Distrett u sezzjonijiet oħrajn.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega l-għanijiet u l-mod li bih qed titħaddem din l-inizjattiva fil-Marsa, lokalità b’realtajiet u b’karatteristiċi partikolari.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li s-sigurtà fil-lokalità tal-Marsa u f’lokalitajiet oħrajn tibqa’ prijorità.
Il-Ministru spjega li s-sigurtà tan-nies fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin se tibqa’ tingħata l-importanza mistħoqqa hekk kif il-proġett ‘Neighbourhood Watch’ mistenni jkompli jinfirex f’iżjed lokalitajiet madwar il-pajjiż fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Hu tenna li s-sigurtà għandha tibqa’ tkun indirizzata u spjega kif inizjattivi, bħal dik ta’ dan il-proġett pilota, huwa pass ieħor importanti ta’ kollaborazzjoni mal-komunità, għall-ġid tagħha stess.