‘Shower time!’, ‘Imliha bro!’
Żewġ frażijiet li spiċċaw saru ċajta mal-internet. Dawn il-frażijiet ġejjin minn żewġ filmati li xxerdu online u li juru żgħażugħ Malti f’att sesswali ma’ tfajla barranija. Jingħad li ż-żgħażugħ u sieħbu li għamilha ta’ cameraman kienu btala barra minn Malta. Hawn sabu tfajla u ġibdu l-filmat. Il-Malti jidher ċar u tond, wieħed faċli jagħraf minn hu u saħansittra jinstemgħu l-ilħna. It-tfajla ma tingħarafx faċilment.
Dan l-artiklu mhux qed nitkbu għaliex nixtieq nitkaża jew inkompli nxerred il-filmat.
Pero’ ħadt ftit qatgħa meta kont qed nieħu bibita ma’ sħabi u f’daqqa waħda xi ħadd ġie jorini dan il-filmat minn fuq il-mobile tiegħu.
Ħsieb wieħed: minn jaf kif iħossuhom il-protagonisti.
Domanda li għamiltha lil Matthew Bartolo minn Willingness, li huwa ċentru li joffri pariri fuq is-sess, il-familja u s-saħħa (http://willingness.com.mt). Matthew huwa counsellor li jispeċjalizza fis-sess u r-relazzjonijiet.
1) X’jista’ wieħed iħoss meta jirrealizza li fuq l-internet hemm dawn il-filmati tiegħu? Ejja nimmaġinaw li hu stess ta l-kunsens, per eżempju għax kien taħt l-effett ta’ xorb eċċessiv. X’jista jgħaddi minn moħħu emozzjonalment jekk umbad ma jgħoġbux dak li ttella’ dwaru?
Kultant naġixxu b’impuls. Qed nieħdu pjaċir, jew qedgħin taħt l-effett ta’ drogi jew xorb, u niddeċiedu li nitfaw xi ħaġa online. Dak il-mument vera tkun tagħmel sens f’moħħna. Pero’ wara, speċjalment meta naraw x’qed jgħidu n-nies fuqha u min jista’ jara dak li tfajna, bħal donnu doċċa kiesħa nindunaw li żbaljajna tfajnih f’post publiku.
Meta wieħed jinduna x’għamel u r-riperkusjonijiet ta’ dan l-aġir jaf jagħtih sens ta’ paniku. Jibda jaħseb l-konsegwenzi kollha u jħoss l-emozjonijiet marbuta ma’ dawn il-konsegwenzi kollha f’daqqa.
Wara ftit, jaf jibda jimmaġina li anke nies li ma rawx il-filmat, ikunu rawh. Għalhekk kull min iħares lejh jaf jibda jimmaġinah qed jagħrfu jew qed jgħid fuqu.
2) F’każ li dak li ttella’ dwaru ma jdejqux, x’effett jista’ jkollu fuq dawk ta’ madwaru, bħal familtu, li ma jgħoġobomx dak li ttella’?
Jekk dak li tella’ jmur kontra l-valuri ta’ familtu dawn jaf iħossu mistħija kbira. Huma wkoll jaf iħarsu lejn in-nies ta’ madwarhom u jaħsbu li qed jitkellmu fuqhom u fuq il-membru tal-familja tagħhom li tella’ dan il-filmat. Skond x’wieħed tella’ u r-relazjoni tiegħu mal-membru tal-familja, dan ikollu l-effett tiegħu wkoll. Per eżempju jekk wieħed tella’ ritratt jew filmat erotiku, l-ulied ser iħarsu lejh mod, il-ġenituri mod, u l-partner mod ieħor.
3) X’effett jista’ jkollu fuq min ma jafhomx lil dawn in-nies, pero ra l-filmat? Jidher raġel jgħid lil ieħor kliem bħal ‘imliha bro’ b’referenza għat-tfajla li qiegħed ikollu x’jaqsam magħha. Tista’ tkun disturbanti jew inkella twassal messaġġ ħażin?
Minħabba li l-filmat hu pjuttost pornografiku pero’ mhux fuq siti pornografiċi, dak li jkun jaf jispiċċa jarah jew partijiet minnu mingħajr ma kien qed ifittex dan it-tip ta’ materjal. Allura wieħed jaf jibqa’ xi ftit jew wisq xxukjat u skomdu b’dak li ra.
Ma ninsewx li dawn it-tip ta’ filmati jaf jiġu wkoll f’idejn tfal.
Wieħed għandhu jistaqsi x’messaġġ qed jieħdu t-tfal li raw rġiel jitkelmu hekk dwar mara f’dik il-pożizjoni. Anke x’messaġġ wieħed qed jieħu dwar in-nisa u rġiel.
4) X’konklużjonijiet tagħmel fil-konfront ta’ filmat ta’ dan it-tip, bħala professjonista?
Nemmen li filmat bħal dan jista’ jkun abbusiv fir-rigward tal-mara, speċjalment jekk ma kinitx taf li qed jittieħed dan il-filmat.
Sfortunatament filmat bħal dan ikompli jikkonferma li bħala soċjeta’, qed tkun pornifikata.
Il-pornografija qiegħda tagħti perspettiva tas-sess li tillimita biss għall-aspett karnali. Is-sess u sesswalita’ huma ħafna iktar minn hekk. Il-pornografija qed ittina idea li s-sess hu xi performance li tidħol fiha biex timpressjona u turi kemm int tajjeb jew tajba.
Hi ħasra li hawn nies li jħarsu lejn is-sess b’dan il-mod biss, meta s-sess b’intimita’ jaf ikun ħafna iktar sodisfaċenti, kemm fuq livell emozjonali u anke fiżiku.