Matul dawn l-aħħar sentejn kien għaddej xogħol bla waqfien biex jinbena x-Shoreline Mall, ġewwa Smart City. Dan mistenni jkun l-akbar shopping mall f’Malta u se jiftaħ għall-pubbliku fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan il-kumpless se jkun fih 44 ħanut, inklużi dawk tal-ħwejjeġ ta’ ditti magħrufa, postijiet ta’ divertiment, restoranti varji u supermarket.
Żjara li għamilna qabel l-inawgurazzjoni, stajna nsegwu mill-qrib il-ħidma li għaddejja bla waqfien fejn il-ħwienet qed ilestu biex jilqgħu l-ewwel klijenti tagħhom.
Il-kumpless se jinkludi franchise internazzjonali ta’ divertiment għall-familja kollha, fejn tfal u żgħażagħ ta’ kul età jsibu dak kollu li jixtiequ, bħal logħob virtwali kif ukoll attivitajiet oħrajn u avventuri.
Ritianne Towns, General Manager ta’ Shoreline Mall, iddeskriviet dan il-proġett bħala xi ħaġa innovattiva għas-suq Malti li jilħaq l-istandards internazzjonali.
“Prattikament dan il-kumpless se jofri esperjenza unika għall-familji Maltin fejn jistgħu jagħmlu xiri ta’ kull tip għall-bżonnijiet tagħhom b’kumdità assoluta. Fejn hemm spazju komdu biex tipparkja b’xejn,” qaltilna l-General Manager.