Il-kantanti popolari Amber u AIDAN se jkunu qed ikantaw il-kanzunetta uffiċjali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li ser jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.
Il-kanżunetta, li jisimha, Shine Your Light, għanda l-lirika miktuba minn Amber, filwaqt li l- il-mużika kienet miktuba minn Amber u Elton Zarb. Il-kanzunetta hija riflessjoni tal-emozzjonijiet li jgħaddu minnhom l-atleti bi tħejjija għall-kompetizzjoni, fosthom il-biża’ li wieħed jitlef it-tama.
Meta fadal biss ftit aktar minn xahar biex issir iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob, it-tnedija tal-kanzunetta uffiċjali koinċidiet ma’ avveniment informali għall-voluntiera tal-Logħob li ġie ospitat mill-Kumitat Olimpiku Malti f’wieħed mill-faċilitajiet sportivi li ser jospitaw il-Logħob – il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali.
“Il-Kanzunetta hija mill-isbaħ. L-ispirtu u l-emozzjonijiet tal-Logħob jinqabdu b’mod sabiħ u huma xi ħaġa li l-atleti jistgħu jirrelatawgħal kollox magħha! Ninsabu ċerti li din il-kanzunetta se ssir hit popolari fi ftit ħin” ikkummenta Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti.
Il-voluntiera matul il-Logħob se jiġu allokati varjetà ta’ responsabbiltajiet, li jvarjaw minn ġestjoni tal-faċilitajiet, kompetenza teknika għal kull sport, midja, kif ukoll uffiċjali li ser jkunu qedin joffru assistenza diretta ma’ timijiet u uffiċjali.
Iċ-Chairman tal-Organizzazzjoni Lokali Mark Cutajar enfasizza r-responsabbiltà li l-voluntiera għandhom lejn dawn il-Logħob biex jiġi żgurat ambjent akkoljenti u b’sens ta’ komunità għall-mijiet ta’ atleti u uffiċjali li ser jiġu Malta għal dawn il-Logħob. Joe Cassar, li għandu r-risponsabilita ta’ dawn il-voluntiera kompla jenfasizza l-importanza tagħhom, u ddeskrivihom bħala l-eroj b’rwol importanti f’dan l-avveniment sportiv.
Mal-membri tal-Kumitat Olimpiku Malti u Kumitat Organizzattiv Lokali, preżenti għall-attività kien hemm l-Onor. Dr Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.
“Ilna nippreparaw biex nospitaw dawn il-logħob, u aktar ma’ jersaq iż-żmien aktar qed nilħqu l-qofol tal-preparamenti tagħna”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Filwaqt li rringrazzja kemm l-artisti tal-impenn tagħhom u wkoll lill-voluntiera, qal li din se tkun esperjenza sabiħa mhux biss għall-atleti imma wkoll għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. “Dawn il-logħob mhux biss se jkompli jpoġġina fuq il-mappa dinjija tal-isport, imma se tkun okkażjoni li fiha l-atleti tagħna se jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li għamilna fihom f’riżultati tajbin kemm fuq livell personali u wkoll fuq skala Nazzjonali”, qal il-Ministru Grima.
Aktar minn 1,000 atleta u uffiċjal li jirrappreżentaw id-9 pajjiżi tal-GSSE se jkunu Malta biex jikkompetu f’10 dixxiplini fosthom – atletika, basketball, judo, rugby 7s, tbaħħir, sparar, squash, għawm, table-tennis u table tennis.
Id-XIX Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zgħar tal-Ewropa huma appoġġati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed, BOV, Transport Malta, Malta International Airport u The Concept Stadium.