L-Avukat Ġenerali waqqa’ l-akkuża t’attentat t’omiċidju fil-konfront ta’ Paul Sheehan, l-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia.
Fl-istadju tal-kumpilazzjoni tal-evidenza quddiem il-qorti tal-Maġistrati, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien infurmat li l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali ma ħassx li hemm biżżejjed provi biex Sheehan jitla’ quddiem ġuri, b’ din l-akkuża.
Madanakollu b’ rabta mal-każ fejn is-sewwieq spara żewġ tiri lejn Stephen Smith waqt li kien qed isuq il-karozza tal-Ministru f’ Novembru tal-2014, Sheehan għadu akkużat li kkawża ħsara volontarja, li intimida persuna b’arma li ma kellux raġuni għalfejn iġorr fuqu, li użaha f’post pubbliku, li kiser il-paċi pubbliku, li qabeż il-limitu t’awtorità mogħtija lilu u li kkommetta offiża li kellu d-dmir li jipprevjeni.