- It-temperatura massima ta’ Ottubru telgħet għal 31.2°C
- Total ta’ xita laħħaq l-24mm – inqas milli mistenni għal Ottubru
- Ċiklun Mediterranju tipiku laqat il-gżejjer lejn l-aħħar tax-xahar
Ottubru inizjalment gawda minn temperaturi għoljin li laħqu l-31.2°C fit-tieni jum, iżda maltempata li laqtet il-gżejjer lejn l-aħħar tax-xahar serviet ta’ tfakkira li x-xitwa kienet qed toqrob u li l-arloġġi kellhom iduru lura.
Fi stqarrija, l-ufiċċju Meterjoloġiku spjega li x-xahar kien iktar sħun milli mistenni, bit-temperaturi medji tal-arja u tal-baħar jaqbżu n-norma klimatika b’2°C u 0.7°C, rispettivament.
It-temperatura medja għal Ottubru kienet ta’ 23.5°C u kienu biss sitt ijiem li rreġistraw temperaturi massimi li kienu aktar baxxi minn din il-medja.
F’Ottubru niżlu 24mm ta’ xita, jiġifieri 51.6mm anqas milli mistenni għal dan iż-żmien tas-sena. Ir- rekords meteoroloġiċi juru li f’Ottubru 1951 kien niżel ammont straordinarju ta’ xita li laħħaq l- 476.5mm.
Il-maltempata tax-xahar li għadda, li tikklassifika bħala ċiklun Mediterranju tipiku, laqtet il-gżejjer hekk kif ix-xahar kien ġej fi tmiemu. Din il-maltempata kienet segwita minn pressjoni baxxa u grigalata.
Tul l-aħħar Ġimgħa u Sibt tax-xahar, buffuri li laħħqu jew saħansitra qabżu l-34 knot ħakmu l-gżejjer, b’buffura massima ta’ 45 knot tiġi rreġistrata fid-29 tax-xahar. F’din l-istess ġurnata, it-temperatura niżlet għall-minimu tax-xahar ta’16.7°C u x-xemx ma ħarġet fl-ebda ħin.
Sal-għada, ir-riħ kien naqas sinifikattivament għal veloċità medja ta’ 7.1 knots u tul il-jum ma niżlitx xita. Il-ġurnata baqgħet pjuttost mudlama minħabba li x-xemx ħarġet għal 1.4 siegħa biss.
B’mod ġenerali Ottubru kien aktar griż mis-soltu u gawda minn 19-il siegħa ta’ xemx anqas min-norma klimatika ta’ 218-il siegħa. Dan irriżulta parzjalment mill-fatt li l-kopertura tas-sħab kienet ta’ 4.3 oktas minflok it-3.6 oktas mistennija għal dan iż-żmien tas-sena.