Madwar l-Ewropa, komplew jippersistu sħanat qawwija, partikolarment fi Spanja fejn bħalissa it-temperaturi qed jilħqu t-42 gradi celcius, tant li nħarġet twissija oranġjo fil-maġġoranza tal-pajjiż,
Skont l-Aġenzija Metereoloġika ta’ Spanja, l-iktar reġjun sħun mistenni jkun l-Andalusija.
Fil-fatt diversi persuni li jgħixu f’Madrid u tkellmu mal-midja internazzjonali EURONEWS qalu li qed joħorġu biss wara t-tmienja ta’ filgħaxija.
Ir-Rumanija wkoll qed tesperjenza mewġa ta’ sħana, b’temperaturi għoljin li jilħqu l-erbgħin gradi celsius. Fil-fatt f’Lulju r-Rumanija għaddiet mill-itwal mewġa ta’ sħana fl-istorja, b’sitt ijiem ta’ sħana kontinwa.
Sadanittant, f’ċertu istanzi din is-sħana saħansitra qed tkun kaġun ta’ nirien qawwija. Sa issa n-nirien infirxu madwar il-Greċja, l-Albanija, il-Maċedonja u l-Kroazja. F’diversi reġjuni fil-Greċja, kien hemm ordnijiet ta’ evakwazzjoni u l-pumpiera qattgħu lejl jissieltu man-nirien fil-gżira ta’ Evia.
Fil-Portugall, in-nies ġew imħeġġa jillimitaw l-arttivita tagħhom kemm jista’ jkun u jżommu t-twieqi magħluqin fejn possibli.