“It-tifla spiċċat bl-inhaler.”
Dan kumment minn residenta ddispjaċuta fl-Iklin, li fl-aħħar ġimgħat kienet waħda minn dawk li għamlu kuntatt magħna dwar sitwazzjoni li qed iqisu bħala inaċċettabbli.
Dan għaliex fis-sħana tas-sajf qed ikollhom iżommu t-twieqi magħluqin.
Residenti taż-żona ta’ Triq il-Klin u Triq Stefano Erardi tkellmu ma’ One News kif l-għalqa ta’ quddiemhom imtliet bit-terrapien u qiegħda tintuża bħala parkeġġ għal ħanut fil-qrib.
B’riżultat ta’ dan, kemm bir-riħ, kif ukoll bil-karozzi deħlin u ħerġin, it-trab jispiċċa fl-ajru, u fil-gallariji, l-bjut, u fid-djar ta’ dawn ir-residenti.
Residenti li saħqu però li m’għandhom xejn kontra l-ħanut li għalih jintuża dan il-post, anzi huma huma stess li jagħmlu użu minnhom.
Però tennew li l-problema tat-trab hija inaċċettabbli, u wara li l-awtoritajiet lokali baqgħu mingħajr azzjoni, talbu lilna biex l-appell tagħhom jinstema’.