Ftit aktar minn sena ilu, atturi tal-kumpanija ċlebri RSC (le, mhux Royal Shakespeare Company, imma Reduced Shakespeare Company) skoprew manuskritt ta’ aktar minn 400 paġna maġenb gozz għadam ta’ ebda importanza f’car park ġo Leicester. Wara ftit studji, dubjużi, ġie stabbilit li dan il-manuskritt ma kien xejn għajr l-ewwel dramm miktub mill-kbir William Shakespeare fl-età tenera ta’ 17-il sena. Iva sinjuri, dan kien il-manuskritt tal-ewwel reċta miktuba minn Shakespeare, mitlufa għal dawn is-snin kollha.
Għal xi raġuni jew oħra, din is-sejba ma ġietx rapportata la fuq TVM News, la fuq One News u lanqas fuq Net News. L-uniku aċċenn għal din is-sejba sar fuq programm immexxi minn ċertu predikatur li jgħidu jinħasel fi xmara ta’ mħabba. Dan jista’ jkun forsi għaliex dan il-fatt intilef ukoll mill-istampa nazzjonali li tant hi attenta li ma tkunx falza issa li d-dinja qed issofri minn diżastri naturali bħal Brexit u Trump (għalkemm hemm min jaħseb li dawn it-tnejn huma l-istess ħaġa). U tafu intom, jekk fatt falz kemm hu falz ma jkunx irrappurtat fl-istampa internazzjonali, il-ġurnalisti Maltin ma jkunux semgħu dwaru.
Insomma, dak li sabu l-atturi tal-RSC kien l-ewwel manuskrit ta’ Shakespeare, reċta ta’ madwar 400 paġna u 400 siegħa. Fiha nsibu kull wieħed mill-elf, sitt mija u ħamsa u sittin karattru li dwaru kiteb Shakespeare. Iva, sinjuri, dawn il-karattri kollha lkoll fi dramm wieħed. U nsibu kif dan id-dramm ħareġ għall-ewwel darba bil-frażi “A PUCK I DO NOT GIVE!”
U issa, dawk l-imġienen ta’ Unifaun Theatre Productions, immexxija minn dak ix-xellerat ta’ Adrian Buckle se jwasslulkom dan id-dramm bl-isem ta’ WILLIAM SHAKESPEARE’S LONG LOST FIRST PLAY (abridged), taħt ir-reġija ta’ Chris Gatt.
Minħabba r-rispett li Unifaun dejjem juru lejn l-udjenzi tagħhom, għażlu li jqabdu l-aqwa ismijiet fuq is-suq għal dak li hi interpretazzjoni Shakespearjana. Iżda dawn kienu għaljin wisq, għalhekk kellhom jikkuntentaw b’atturi bħal Nathan Brimmer, Joseph Zammit u l-qattus ta’ James Ryder. Għalkemm fuq ċerti serati, l-imsemmi qattus se jkun sostitwit minn sidu.
Minħabba l-kwalita’ inferjuri ta’ atturi, dawn se jippruvaw inaqsu dan id-dramm għal 90 minuta u biss tliet karattri, u jisperaw li ma jinduna ħadd. Tgħid jirnexxielhom?
Il-Professuri tat-Teatru tal-Univeristà u tal-lingwa Ingliża se jkunu kuntenti? X’jimpurtana! Din hi kummiedja li se ddaħħaq lil kulħadd.
Rappreżentazzjonijiet isru bejn 7 u 22 ta’ Ottubru, fit-8pm. Biljetti jistgħu jinkisbu minn www.kreattivita.org jew telephone 21223216. Ir-rappreżentazzjonijiet tas-7 u 8 ta’ Ottubru se jinbiegħu bi prezz imraħħas, kif ukoll dawk li jaqgħu il-Ħamis.