Sħab Adrian Delia fil-proġett ta’ bini t’appartamenti fl-Imġarr Għawdex ġew ordnati jħallsu mal-kważi €2.5 miljun ta’ self lil bank BNF.
F’dan il-proġett, il-Kap Nazzjonalista għandu sehem ta’ 9%.
Quddiem il-Maġistrat Paul Coppini fil-Qorti t’Għawdex intqal li ż-żewġ partijiet ma ftehmux dwar l-ammont dovut iżda meta f’Ġunju ġie ffissat l-ammont ta’ ftit aktar minn żewġ miljun u erba’ mitt elf ewro, sħab Delia fin-negozju mhux biss qablu fuq dan l-ammont iżda saħansitra ssottomew ittra lill-Qorti fejn irrikonoxxew il-fatt li jridu jħallsu dan l-ammont b’interessi ta’ għaxra punt tnejn, ħamsa fil-mija li beda jakkumula mill-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju li għadda.
Apparti s-sehem ta’ Delia f’dan il-proġett, hemm ukoll sieħbu f’ditta legali, Georg Sapiano, li għandu mas-26% fil-proġett tal-Imġarr.
Meta ftit aktar minn sentejn ilu, Daphne Caruana Galizia kienet ħarġitlu dan il-każ lejliet l-elezzjoni qalila u missielta għal Kap Nazzjonalista, Adrian Delia kien saħaq li d-dejn għandu jitħallas fi żmien sena u nofs.
Dak iż-żmien Delia kien qal li Caruana Galizia qed tagħmel attakk manipulattiv fuqu u fuq familtu.
Adrian Delia spjega kif ma setax jeħles mid-9% sehem li għandu fil-proġett qabel ma jitħallas id-dejn li hemm fuq il-proġett.
Meta feġġet l-istorja li fih hemm involut Delia, il-proġett tal-Imġarr kien midjun għal €7.2 miljun.
Dan wara li l-proġett kien isellef mill-bank mat-€12 miljun.